Jekk irridu verament insaħħu l-isport u nsiru dejjem aktar professjonali, irridu nkomplu nivestu fl-isportivi u fil-faċilitajiet sportivi.
Waqt laqgħa ma’ delegazzjoni tal-Malta Football Assocation li matulha l-uffiċjali tal-MFA ppreżentawlu dokument dwar investiment li qed jippjanaw, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qal li l-isport huwa kruċjali għal soċjetà sana.
Huwa qal li kull investiment li jsir fl-isport jista’ jħalli ħafna ġid kemm fl-isport kif ukoll fl-ekonomija.
Alex Borg qal li faċilitajiet sportivi moderni u professjonali jiġbdu aktar żgħażagħ Maltin u Għawdxin lejn l-isport, u investiment serju jista’ jinċentiva turiżmu sportiv li jagħti lill-isportivi li jżuruna esperjenza aħjar f’pajjiżna.
Hu qal li rridu naraw il-klabbs Maltin ikomplu jikbru u wiegħed lid-delegazzjoni tal-MFA li l-Partit Nazzjonalista se jkun ta’ appoġġ sħiħ lilhom u lill-isportivi.
Il-Viċi-President tal-MFA Matthew Paris – li fin-nuqqas tal-President Bjorn Vassallo – mexxa d-delegazzjoni, għamel preżentazzjoni qasira tal-investimenti li qed jippjanaw, fosthom li jinbena stadium għas-sezzjoni taż-żgħażagħ li jkun jesa 2,000 ruħ, li fis-Centenary Stadium jinbnew żewġ stands oħra biex dan jesa’ aktar spettaturi, u investiment qawwi biex l-Istadium Nazzjonali jiġi mmodernizzat u jintuża b’mod aktar għaqli li jirriffletti l-bżonnijiet tal-lum.
Għal din il-laqgħa kienu preżenti wkoll il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione, ix-Shadow Minister għall-Isport David Agius, id-Deputat Graham Bencini u l-kandidat għall-elezzjoni ġenerali Dione Borg.
//= $special ?>

