Il-baġit soċjali Ewropew għandu jissaħħaħ u mhux jitnaqqas. Jekk nittraskuraw lil aktar nies vulnerabbli fis-socjetà tagħna, jekk ma ninvestux fiż-żgħażagħ, fil-ħaddiema u fil-familji tagħna, se niżirgħu problemi kbar għal futur tagħna. Hekk sostna il-Membru Parlamentari Ewropew David Casa hekk kif id-diskussjoni fuq livell Ewropew għall-baġit għas-seba’ snin li ġejjin bdew deħlin f’fażi kruċjali.
Bosta għaqdiet soċjali Ewropej esprimew id-diżappunt tagħhom għall-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li tirriforma l-programmi soċjali b’mod jista’ jwassal biex l-investiment komplessiv fil-qasam soċjali jiddgħajjef.
David Casa sostna li huwa naturali li l-baġit Ewropew li jmiss jitfassal fl-isfond tar-realtajiet ġodda li l-kontinent jinsab fih illum.
“L-alleanzi internazzjonali qed jiġu ttestjati u r-realtajiet ekonomiċi inbidlu drastikament, u s-sigurtà saret priorita”. Huwa qal li l-investment akbar fid-difiża huwa meħtieġ, u prova ta’ dan kien attakk riċenti fuq Ċipru, Stat Membru tal-Unjoni mhux wisq ‘il bogħod minn pajjiżna.
Madankollu, żied jgħid li dan l-investiment m’għandux jieħu post in-nefqa soċjali. “Il-pożizzjoni tiegħi hi ċara: il-baġit soċjali fl-Ewropa m’għandux jonqos iżda għandu jissaħħaħ b’md konkret”.
L-MEP Casa, li fl-aħħar jiem inħatar negozjatur ewlieni dwar il-Fond Soċjali Ewropew, l-akbar programm soċjali tal-Unjoni Ewropea, qal li għaddej ħafna xogħol wara l-kwinti, inkluż laqgħat ma’ stakeholders differenti, b’mod partikolari fil-qasam soċjali, dwar il-futur ta’ dan il-programm.
Huwa żied jgħid li l-oġġettiv aħħari tiegħu huwa li l-Fond Soċjali Ewropew+ ikompli jġib bidliet pożittivi fil-ħajjiet taċ-ċittadini. Filwaqt li jħares ir-rwol tal-Parlament Ewropew, l-MEP tal-Partit Popolari Ewropew qal li jrid li l-Fond jibqa’ flessibbli u effettiv, waqt li jwassal għal valur miżjud għaċ-ċittadini kif ukoll ekonomija Ewropea aktar inklussiva u kompettitiva.
Bejn l-2021 u t-tmiem tal-programm attwali fl-2027, mistenni li l-UE tkun investiet aktar minn 124 miljun ewro f’pajjiżna mill-ESF+, b’appoġġ għal proġetti fil-qasam tal-edukazzjoni, it-taħriġ, l-impjiegi u l-kura tas-saħħa. Fost l-oħrajn, dawn il-fondi ntużaw biex jindirizzaw sfidi bħan-nuqqas ta’ ħiliet f’ċertu setturi ekonomiċi, biex isir investiment f’għodda innovattivi ta’ tagħlim, għal edukazzjoni inklussiva għal gruppi vulnerabbli, għajnuna għal persuni b’diżabilità fil-qasam tax-xogħol u għotjiet tal-ikel għall-aktar persuni fil-bżonn.
Istituzzjonijiet bħall-Jobsplus, l-MCAST, l-Università ta’ Malta, il-Caritas kif ukoll numru ta’ kumpaniji u negozji żgħar gawdew minn dan il-fond fl-aħħar snin.
Fid-dawl tal-proposti tal-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew kompla jinsisti li l-Fond Soċjali għandu jibqa’ fond li jaħdem b’mod awtonomu u mhux bħala parti minn strumenti oħrajn, u li għandu jkollu baġit aħjar mis-snin ta’ qabel fid-dawl tal-isfidi soċjali, il-faqar u l-qgħad, b’enfasi partikolari fuq il-faqar fost it-tfal u l-inklużjoni ta’ gruppi vulnerabbli.

Dan il-kontenut huwa ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropea mill-għotijiet tal-Parlament Ewropew fil-qasam tal-komunikazzjoni. Il-Parlament Ewropew ma kienx involut fit-tħejjija tiegħu u, f’ebda każ, m’hu responsabbli jew marbut mal-informazzjoni u l-opinjonijiet espressi. Skont il-liġi applikabbli, l-awturi, il-persuni intervistati, u l-pubblikaturi huma responsabbli mill-kontentut. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għal danni diretti jew indiretti li jistgħu jirriżultaw mill-pubblikazzjoni ta’ dan il-konten
//= $special ?>

