Il-Gvern tajjar mal-€400,000 sempliċiment biex jagħmel propaganda għall-Budget.
Dan ġie żvelat fil-Parlament din il-ġimgħa wara Mistoqsija Parlamentari li għamel id-Deputat Nazzjonalista Jerome Caruana Cilia.
Din il-propaganda tal-Gvern kienet qed timla ras in-nies li dan kellu jkun l-aqwa Budget. U Budget bla taxxi.
Dan meta ftit tal-ġimgħat wara bdew ifeġġu l-ewwel piżijiet: il-miżati fuq il-kumpaniji tas-servizzi finanzjarji, iż-żieda fil-prezz tal-mediċini, żidiet fuq il-prezzijiet ta’ prodotti essenzjali, filwaqt li l-pensjonanti baqgħu jiġu ntaxxati fuq dħul ieħor li għandhom.
Iżda dwar dan kollu, fir-reklamar tal-Gvern ma ssemma xejn.
Skont l-informazzjoni mogħtija mill-Prim Ministru, il-Gvern nefaq eżattament €389,753 fi propaganda u reklami għall-Budget ta’ din is-sena.
Interessanti l-fatt li dan l-ammont jiżboq sew iċ-ċifra tas-sena ta’ qabel.
Fil-fatt, in-nefqa fi propaganda għall-Budget splodiet b’mitt elf ewro meta mqabbel mas-sena li għaddiet.
//= $special ?>

