Fl-aħħar xhur, il-paġna ta’ Replay żvelat li Rhys Bozinovski, wieħed mit-talenti fost l-aktar interessanti li preżentament hemm jippromettu fl-Awstralja, għandu dixxendenza Maltija. Omm Rhys, hija t-tifla tal-mibki eks plejer internazzjonali Malti, Willie Vassallo.
Sal-lum Rhys għadu ma lagħbx mat-tim nazzjonali tal-kbar tal-Awstralja, pero l-midfielder difensiv ta’ 21 sena diġa’ irrapreżenta lill-Awstralja fil-kategorija ta’ taħt l-20 sena u t-23 sena.
M’huwiex sigriet li l-MFA diġa’ għamlet tentattiv, aktar minn darba, biex tikkonvinċi lil dan it-talent, li fil-passat kien jilgħab ma’ Caroline Springs George Cross FC; klabb li twaqqaf fl-Awstralja lejn l-aħħar tas-snin 40 minn Maltin li kienu emigraw lejn l-Awstralja, sabiex jilqa’ is-sejħa ta’ Malta u jilgħab mat-tim nazzjonali Malti. Sal-lum, Rhys għadu ma ħa ebda deċiżjoni dwar il-futur internazzjonali tiegħu, anke għaliex hu għandu l-għażla li jista’ jilgħab għall-Maċedonja peress li missieru ġej minn dan il-pajjiż fix-Xlokk tal-Ewropa.
Fl-aħħar xhur, Rhys kien qed ikollu prestazzjonijiet mill-aqwa fl-A-League tal-Awstralja ma’ Perth Glory tant li f’Jannar li għadda, hu ffirma kuntratt ta’ tliet snin u nofs mal-klabb fl-ogħla diviżjoni tal-Olanda, Heracles Almelo.
B’Rhys jagħżel li jkompli l-karriera tiegħu fl-Ewropa, il-possibiltá li n-neputi ta’ Willie Vassallo jilgħab ma’ wieħed miż-żewġ timijiet nazzjonali Ewropej, iġifieri l-Maċedonja jew Malta, żdidet għalkemm wieħed jifhem li jekk jiġiħ iċ-ċans li jilgħab mal-Awstralja, possibilment din taf tkun l-ewwel għażla ta’ Rhys. Madankollu, anke jekk l-eks plejer ta’ Perth Glory hu meqjus bħala wieħed mit-talenti ‘l kbar tal-mument fil-futbol Awstraljan, jibqa’ l-fatt li m’hijix faċli daqs kemm wieħed jaħseb li Rhys jissejjaħ mat-tim nazzjonali tal-Awstralja.
Kif ilna nagħmlu, Net News, permezz tat-taqsima sports, kontinwament insegwu l-aħħar żviluppi u progress ta’ dawn il-plejers b’dixxindenza Maltija li huma ta’ livell għoli u li kemm il-darba jagħżlu li jilbsu l-flokk ta’ Malta, it-tim nazzjonali ta’ pajiżna jkun għamel akkwist importanti.
Sal-lum, il-possibiltá li Rhys jilgħab għal Malta hija diffiċli għalkemm mhux impossibli. Li nistgħu nikkonfermaw b’ċertezza hu li l-Maċedonja qed tagħmel l-istess tentattivi li għamlet u mistennija tibqa’ tagħmel l-MFA, biex tikkonvinċi lil Rhys jilgħab mat-tim nazzjonali ta’ pajjiż missieru.
Artiklu riċenti u li kien ippublikat fuq waħda mil-paġni soċjali li jsegwi l-futbol fil-Maċedonja, ħeġġeġ lill-assoċjazzjoni tal-futbol Maċedonjana sabiex tagħmel skorz akbar milli diġa’ għamlet sal-lum u taġixxi malajar, qabel ma jkun tard, biex taċċerta li Rhys jilgħab għall-Maċedonja.
L-istess artiklu jagħmel referenza għal Malta u l-Awstralja; iż-żewġ pajjiżi l-oħra minn tlieta, li Rhys jista’ jagħżel li jirrapreżenta.
Rhys qatt ma qal jew tenna li ma jridx jilgħab għal Malta anzi f’intervista riċenti li hu għamel għall-midja soċjali tal-klabb il-ġdid tiegħu, Heracles Almelo hu semma u ftaħar bin-nannu tiegħu, Willie Vassallo u rrefera għaliħ bħala l-akbar idolu li kellu f’ħajtu.
Meta wieħed iqis t-talent ta’ dan il-plejer, u l-valur miżjud li jkun qed jagħti lit-tim nazzjonali Malti Rhys, wieħed jittama li fiż-żmien mhux wisq ‘il bogħod, il-plejer ta’ 21 sena li qed jilgħab fl-ogħla diviżjoni Olandiża, jasal biex jagħżel lil Malta bħala t-tim nazzjonali li jilgħab miegħu, sforz ir-relazzjoni tajba u mill-aqwa li hu kellu ma’ nannuħ, Willie Vassallo, li fit-8 t’April li ġej jagħlaq sena mejjet.
//= $special ?>

