Irrid inkompli nara li l-politika tal-Partit Nazzjonalista twassal biex il-kumpaniji f’pajjiżna jkomplu jikbru u jissaħħu. L-innovazzjoni u l-konnettività jibqgħu ċ-ċavetta għall-futur ta’ Malta.
Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg meta dalgħodu żar l-uffiċċji tal-kumpanija Melita, fejn seta’ jara mill-qrib kif l-investiment fit-teknoloġija u fl-infrastruttura diġitali qed jgħin biex jinħolqu impjiegi ta’ kwalità u biex Malta tibqa’ konnessa mad-dinja.
Il-Kap tal-PN intlaqa’ mill-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija Harald Roesch, li spjega l-iżviluppi li l-kumpanija qed tagħmel fil-qasam tat-telekomunikazzjoni u t-televiżjoni fost il-familji u l-kumpaniji f’pajjiżna. Seta’ jinnota kif il-maġġoranza tal-ħaddiema huma Maltin u Għawdxin, kemm fl-uffiċċji, kif ukoll fid-diversi stabbilimenti tal-Melita.
Matul il-laqgħa kienu diskussi wkoll l-isfidi u l-opportunitajiet li qed jiffaċċja s-settur diġitali, inkluż l-innovazzjoni teknoloġika, il-kompetittività ekonomika u r-rwol dejjem jikber tat-teknoloġija fl-iżvilupp tal-ekonomija.
Melita tipprovdi servizzi ta’ broadband, mobile, televiżjoni diġitali u soluzzjonijiet oħrajn ta’ konnettività. Kellha rwol importanti fl-iżvilupp tal-infrastruttura diġitali tal-pajjiż, inkluż b’teknoloġiji ġodda.

Akkumpanjat mill-Viċi Kap Alex Perici Calascione, ix-Shadow Minister għall-Promozzjoni tal-Kummerċ Ryan Callus, ix-Shadow Minister għad-Drittijiet tal-Konsumatur Graziella Galea u l-kandidat għall-elezzjoni ġenerali li ġejja James Aaron Ellul, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tenna l-importanza li nibqgħu nappoġġjaw lil dawk li jinvestu u jinnovaw biex flimkien immexxu lil Malta ’l quddiem.


