Lokali Qorti

Il-Qorti tal-Appell tikkonferma sentenza ta’ erba’ snin ħabs fuq korruzzjoni ta’ minorenni

Il-Qorti tal-Appell Kriminali ċaħdet appell minn raġel li kien instab ħati ta’ korruzzjoni ta’ minorenni u fastidju sesswali, u kkonfermat sentenza ta’ erba’ snin ħabs imposta mill-Qorti tal-Maġistrati.

Fis-sentenza mogħtija llum, il-qorti preseduta mill-Imħallef Neville Camilleri ddeċidiet li s-sentenza tal-ewwel qorti kienet legali u ġusta, u għalhekk ma kien hemm l-ebda raġuni biex tinbidel.

Il-każ jirrigwarda allegazzjonijiet li seħħew fuq perjodu ta’ snin u li bdew meta l-vittma kienet għadha tifla żgħira. Skont il-provi fil-qorti, il-minuri kienet ħabiba tat-tifla tal-appellant u l-familji kienu jiltaqgħu tas-spiss, b’xi drabi jsiru wkoll “sleepovers” fid-dar tal-imputat u l-eks martu.

Il-qorti semgħet kif waqt wieħed minn dawn il-lejliet, meta l-vittma kellha madwar disa’ snin, hija allegat li qamet u sabet lill-imputat b’rasu fuq sidirha u b’idu fuq il-parti intima tagħha. Il-minuri qalet li l-għada
kkonfrontatu u li hu qalilha biex ma jintqal xejn dwar dak li ġara.

Aktar tard żviluppat relazzjoni bejn ir-raġel u omm il-vittma, u minn dak iż-żmien sal-2020, l-imputat kien jiffrekwenta d-dar tagħhom. Skont ix-xhieda, matul dan il-perjodu huwa allegatament kompla jġib ruħu b’mod mhux xieraq lejn il-minuri, billi jaqbad partijiet minn ġisimha u jagħmel kummenti ta’ natura sesswali dwar l-iżvilupp fiżiku tagħha.

Il-każ ġie żvelat wara li l-vittma tkellmet ma’ għalliema fl-iskola tagħha, li min-naħa tagħha għamlet rapport lill-Pulizija. Dan wassal biex infetħet inkjesta maġisterjali u aktar tard l-imputat tressaq il-Qorti.

Fil-proċeduri, diversi xhieda inklużi professjonisti u social workers ikkonfermaw li r-rakkont tal-vittma kien konsistenti matul iż-żmien. Rapport minn psikjatra u psikologa indika li l-minuri kienet kapaċi tagħti deskrizzjoni dettaljata tal-allegat abbuż, u kienet tidher li tifhem l-importanza li tgħid il-verità.

L-imputat, fl-istqarrija tiegħu lill-pulizija, ma ċaħadx kompletament li kien imiss lill-minuri jew jagħmel kummenti fil-konfront tagħha, għalkemm sostna li dawn kienu sempliċiment “ċajt”.

Il-Qorti tal-Maġistrati kienet sabitu ħati ta’ korruzzjoni ta’ minorenni u fastidju sesswali u kkundannatu erba’ snin ħabs. Barra minn hekk imponiet ukoll ordni ta’ trattament għal erba’ snin u ordni ta’ trażżin ta’ tliet snin favur il-vittma.

Fl-appell tiegħu, l-imputat argumenta li l-prosekuzzjoni ma ppruvatx il-każ lil hinn minn kull dubju raġonjevoli u li l-qorti tal-ewwel istanza straħet fuq provi selettivi. Huwa talab ukoll li l-piena tiġi mnaqqsa.

Madankollu, il-Qorti tal-Appell iddeċidiet li l-verżjoni tal-vittma kienet konsistenti u kredibbli u li l-ewwel qorti għalhekk setgħet tasal għall-konklużjoni ta’ ħtija. Il-Qorti qalet ukoll li l-piena ta’ erba’ snin ħabs taqa’ fil-parametri tal-liġi u ma tistax titqies bħala “manifestament eċċessiva”.

Għalhekk l-appell ġie miċħud u s-sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati ġiet ikkonfermata fl-intier tagħha.

Il-Qorti ordnat ukoll projbizzjoni fuq il-pubblikazzjoni tal-ismijiet tal-imputat, tal-vittma u ta’ kwalunkwe persuna oħra li tista’ twassal biex tiġi identifikata l-minuri.

L-Imħallef Neville Camilleri kkonferma s-sentenza.