Internazzjonali

Ir-Russja: Ikkonfermati s-sentenzi ta’ ħabs relatati mat-terrur tal-2024

Qorti militari fir-Russja kkundannat lil dsatax-il persuna b’konnessjoni mal-attakk terroristiku tal-2024  fuq sala tal-kunċerti fi Krasnogorsk, viċin ta’ Moska u li kien organizzat mill-membri tal-grupp ISIS.

Fl-attakk, li kien wieħed mill-akbar azzjonijiet terroristiċi f’dan il-pajjiż, spiċċaw maqtula madwar 150 persuna, b’aktar minn 500 jisfaw midruba taħt l-isparar kontinwu tat-terroristi li kienu koordinaw flimkien biex iwettqu l-massimu tad-dmija.

Intant, il-Qorti kkonfermat sentenzi ta’ għomor ħabs għal erba’ minn fost l-aggressuri u għal 11-il persuni oħra li kienu kompliċi waqt dawn l-attakki.

Dan waqt li erba’ imputati oħrajn weħlu, kull wieħed, sentenzi ta’ 20 sena priġunerija bħala media.

It-terrur fis-Sala tal-Kunċerti ta’ ‘Crocus’, fil-limiti tal-kapitali Russa, kien seħħ fit-22 ta’ Marzu tal-2024 u dritt wara li numru fost il-grupp tat-terroristi kienu taw in-nar lis-sit inkwistjoni.

Il-kelliema għall-ISIS, wara, ħadu responsabbiltà għall-attakk filwaqt li ċirkulaw il-provi permezz ta’ video li bagħtu online.

Min-naħa tagħha, ir-Russja damet żmien takkuża lill-Ukrajna dwar sehem fil-massakru mingħajr ma qatt ressqet il-provi u bl-Ukreni joħorġu kontinwament l-istqarrijiet biex jiċħdu kategorikament għal dan.

Il-qtil tal-massa ta’ dakinar kellu jseħħ meta kien hemm madwar 6,000 persuna fl-awditorjum fejn kien qed isir kunċert tar-Rock u fejn f’daqqa waħda daħlu numru ta’ irġiel armati sa snienhom li fetħu n-nar fuq kulmin inzerta quddiemhom.

Ftit wara l-attakk spiċċa jċedi s-saqaf tas-sala b’kaġun tan-nirien li qabdu – bl-investigazzjonijiet, wara, jikkonfermaw li numru fost il-vittmi kienu mietu vvelenati mid-dħaħen li belgħu.

L-erba’ irġiel li kellhom l-akbar sehem fl-ispararatura qattiela kienu kollha identifikati bħala ċittadini tat-Taġikistan.

Intant, ħdax fost l-imputati li wkoll kienu kundannati l-ħabs għal għomorhom instabu ħatja li provdew lit-terroristi bl-armamenti u l-flus u li wkoll kellhom il-konnessjonijiet mal-ISIS u ma’ entitajiet oħrajn responsabbli mill-aġir terroristiku.

Mhux ċar, intant, jekk l-irġiel ikkundannati għandhomx jappellaw mis-sentenzi wara proċess ġudizzjarju li tmexxa wara bibien magħluqa.

Dan ukoll fost indikazzjonijiet li numru fost l-imputati spiċċaw jammettu dwar sehemhom fil-massakru wara li kienu suġġetti għat-tortura taħt idejn l-awtoritajiet Russi.