Lokali

Is-sostenibbiltà tfisser bilanċ bejn it-tkabbir ekonomiku u l-ħarsien tal-ambjent

Ritratt: Matthew Tabone

Is-sostenibbiltà tfisser bilanċ bejn it-tkabbir ekonomiku u l-ħarsien tal-ambjent. Fid-dawl ta’ dan, il-Partit Nazzjonalista jtenni l-viżjoni tiegħu quddiem il-ħtieġa li jkunu mmassimizzati r-riżorsi kollha li għandu l-pajjiż, fosthom is-servizzi anċillari. Għax fadal xi jsir.

Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg waqt laqgħa mal-Kunsill tal-Malta Development Association (MDA), fejn spjega kif ir-regolamentazzjoni hi dejjem importanti iżda ma tistax tkun one-size-fits-all. Hu għalhekk, qal Alex Borg, li l-PN se jara li l-politiċi tagħna jimpenjaw ruħhom biex dan ma jsirx, għax dan it-tip ta’ investiment iġib aktar xogħol u tkabbir ekonomiku.

Għaż-żjara fl-uffiċċji tal-MDA, il-Kap tal-PN intlaqa’ mill-President tal-Kunsill tal-Assoċjazzjoni Michael Stivala. L-MDA hi l-organizzazzjoni ewlenija li tirrappreżenta lill-iżviluppaturi u lill-investituri fis-settur tal-proprjetà u tal-kostruzzjoni. Taħdem biex tirrappreżenta l-interessi tal-membri tagħha u tikkontribwixxi għad-diskussjoni pubblika dwar policies relatati mal-ippjanar, l-iżvilupp urban, is-suq tal-proprjetà u s-sostenibbiltà fis-settur tal-kostruzzjoni.

Akkumpanjat mill-Viċi Kap tal-PN Alex Perici Calascione, ix-Shadow Minister għall-Proġetti Kapitali u l-Infrastruttura Bernard Grech, ix-Shadow Minister għall-Ippjanar u l-Artijiet Stanley Zammit, kif ukoll mid-Deputati Toni Bezzina, Ivan Castillo u Ryan Callus, Alex Borg tenna wkoll il-ħtieġa ta’ qafas regolatorju ċar u effettiv li jsaħħaħ il-kwalità tal-iżvilupp fil-pajjiż.