Colin Schembri
Luxol Bolt…………78
Starlites…………….49
(17-11)(18-9)(24-13)(19-16)
Luxol Bolt kisbu rebħa konvinċenti ta’ 78-49 fuq Starlites Blue fl-ewwel finali tal-kampjonat St. James Hospital ta’ taħt id-19-il sena, partita li matulha kkontrollaw kważi kompletament il-logħba kemm fid-difiża kif ukoll fl-attakk. Luxol iddominaw ir-rebounds b’71 kontra 41 u sfruttaw it-turnovers tal-avversarji biex ġabu 18-il punt minn dawk l-azzjonijiet. Differenza oħra dehret fil-fast breaks (29 kontra 13) u fil-punti mit-tieni opportunitajiet fejn Luxol kellhom vantaġġ ċar ta’ 19-5. L-iskwadra ta’ Peter Shoults kellha wkoll aktar pussess tal-vantaġġ għal aktar minn 35 minuta u laħqet l-akbar distakk ta’ 34 punt matul il-logħba. Stefano Marra kien l-aktar prolifiku għal Luxol bi 25 punt filwaqt li Mark Iluobe żied 16 u Cinar Cog kellu prestazzjoni dominanti taħt il-basket b’13-il punt u 24 rebound. Għal Starlites, Zac Said Hollier kien l-aktar effettiv b’17-il punt waqt li Kai Fabri żied 14.
Il-bidu kien bilanċjat u kienu Starlites li fetħu aħjar meta Kai Fabri u JJ Dimech tawhom vantaġġ kmieni ta’ 3-0. Madankollu Luxol wieġbu malajr permezz ta’ Stefano Marra u Mark Iluobe, qabel ma trippla ta’ Eric Fenech Pace poġġiet lil Luxol quddiem 11-7. Aktar punti minn taħt il-basket ta’ Cinar Cog komplew isaħħu l-vantaġġ u l-ewwel sessjoni ntemmet 17-11 favur Luxol. Fit-tieni taqsima Luxol komplew iżidu r-ritmu tagħhom. Trippla ta’ Jack Gabriele fetħet run importanti li wasslet lil Luxol biex jiftħu distakk b’figuri doppji. Marra baqa’ jżid mill-free throws filwaqt li Kyle Galea wkoll għamel trippla li kabbret il-vantaġġ għal 28-16. Qabel il-mistrieħ Luxol kienu diġà stabbilixxew kontroll sod tal-partita u marru jistrieħu 35-20 minn fuq.
Fit-tielet sessjoni Luxol komplew jiddominaw u run oħra mmexxija minn Iluobe u Marra kabret il-vantaġġ b’mod sostanzjali. Iluobe għamel dunk wara steal waqt li Cog u Fenech Pace komplew jisfruttaw fast breaks minn turnovers tal-avversarji. B’dan il-momentum Luxol kabbru l-iskor għal 59-33 sat-tmiem tat-tielet taqsima. Fl-aħħar sessjoni Luxol komplew jikkontrollaw il-logħba u saħansitra laħqu vantaġġ massimu ta’ 34 punt wara sensiela ta’ baskets minn Iluobe, Marra u Cog. Minkejja xi punti tard minn Zac Said Hollier u Anton Vural għal Starlites, Luxol baqgħu jżommu kontroll sħiħ u għalaqu l-finali b’rebħa ċara ta’ 78-49.
Luxol Bolt: J. Gabriele 3, J. Gambin, C. Cog 13, M. Iloube 16, G. Mizzi 3, K. Galea 3, S. Marra 25, A. Ivanovski, E. Fenech Pace 9, N. Sammut 6.
Starlites Blue: M. Micallef, B. Fenech Adami, M. Xuereb, A. Vural 6, K. Fabri 14, M. Buttigieg Depiro, Z. Said Hollier 17, A. Zina, L. Zhang, G. Camilleri 4, F. Scala, JJ Dimech 8.
Referees: Zvezdan Dobrosaviljevic, Miguel De Flavia, Jacques Siefert.
//= $special ?>

