Kunsilli Lokali Lokali

Kunsillier tal-Labour jattakka lis-Sindku tiegħu stess: “Rispett lejn il-governanza tajba – jew kienet biss buzzword?”

Il-kunsillier tal-Labour Daniel Diacono ħareġ jattakka lis-Sindku tal-Belt Olaf McKay wara attività li ġiet organizzata fl-aħħar jiem – fejn qed jingħad li kien hemm nuqqas kbir ta’ trasparenza.

Jidher li d-dettalji ta’ dan l-avveniment ma kienux komunikati fil-laqgħa tal-Kunsill, u lanqas l-ispejjes ma ġew approvati. B’sorsi li tkellmu ma’ Net News jgħidu li issa s-Sindku “qed jara lil kulħadd dubbien” minħabba li moħħu biss fl-elezzjoni ġenerali.

F’korrispondenza mibgħuta bl-email, il-kunsillier Daniel Diacono baqa’ jinsisti li kien xogħol is-Sindku li jinforma lil sħabu dwar din l-attività u n-nefqa li kien hemm. Tant li l-kunsillier laburista reġa’ talab li din il-materja titla’ fl-aġenda tal-laqgħa li jmiss.

Hu qal b’mod ċar lis-sindku li dan qed jitolbu “b’rispett sħiħ lejn il-governanza tajba li għidtilna li se taddotta minn day 1. Jew kienet sempliċi buzz word?”

L-inkwiet fil-Kunsill Laburista tal-Belt ilu li beda sa minn meta McKay ħa f’idejh it-tmexxija, u qalibha lil Alfred Zammit. Tant li ħafna residenti huma imxebba b’dan id-diżgwid bejn il-kunsillieri laburisti.