Il-kumpaniji tal-vapuri internazzjonali qegħdin iwissu lill-ekwipaġġi tat-tankers fir-Rotta ta’ Hormuz biex jeżerċitaw il-massimu tal-kawtela fi żmien ta’ gwerra totali fir-reġjun tal-Golf.
U waqt li l-Istati Uniti u Iżrael komplew bl-offensiva fuq ir-reġim tal-Iran u l-milizji Xiti tal-Ħeżbollah fil-Libanu, l-Iranjani sparaw mewġa oħra ta’ missili u drones lejn l-artijiet ta’ Iżrael, kif ukoll lejn il-bażijiet tal-Amerikani fir-reġjun u fuq it-tankers taż-żejt li spiċċaw kważi weqfin fl-ibħra ta’ Hormuz.
Mir-Rotta ta’ Hormuz jgħaddu viċin it-30 fil-mija tal-kunsinni taż-żejt destinati għall-pajjiżi tad-dinja…Rotta li l-Iranjani għalqu dritt wara li l-ewwel attakki tal-Amerikani kienu qatlu lill-Ayatollah tal-Iran Ali Khamenei – bl-Iran, illum, qed jitmexxa minn ibnu stess, Mojtaba Khamenei.
U fl-aħħar sigħat, proprju fit-tlettax-il jum tal-gwerra, it-tankers taż-żejt u bastimenti kummerċjali oħra komplew jintlaqtu mill-missili tal-Iranjani fl-hekk-imsejjaħ Strait of Hormuz. Dan waqt li l-pajjiżi tal-Golf – fosthom l-Oman, il-Bahrain, l-Emirati Għarab, l-Arabja Sawdija u l-Kuwajt – kienu qed jistennew l-isparaturi ġodda tal-missili mill-Iranjani lejn arthom.
F’din is-sitwazzjoni, l-ekonomija tad-dinja qed tiffaċċja perjodu diffiċli ħafna, l-istess bħal-loġistika relatata mas-settur taż-żejt. Fil-fatt, il-prezz taż-żejt mhux irraffinat tal-kategorija Brent Crude reġa’ tela għal 100 dollaru il-barmil fost it-tħassib dar is-sigurtà tas-settur tal-enerġija.
L-aħħar rapporti, sadanittant, ikkonfermaw li l-missili tal-Iranjani laqtu żewġ tankers ftit ‘il hinn mill-kosta tal-Iraq bil-konsegwenza li qabdu n-nirien fuq il-bastimenti u bl-ekwipaġġi rispettivi jkunu kostretti li jevakwaw taħt emerġenza. Kienu wkoll irrappurtati xi mwiet fost dawn il-baħrin waqt li, f’inċident ieħor, missila tal-Iranjani laqtet vapur tal-kontejners viċin il-kosta tal-Emirati Għarab.
Hu ċar daqs il-kristall li l-Iran qed jaħdem fuq strateġija biex joħloq it-theżżiż storiku għall-ekonomija tad-dinja. Fl-istess ħin, il-Gwardja Rivoluzzjonarja li hi l-akbar u l-aktar qawwa militari influwenti tal-Iran wissiet li l-istituzzjonijiet finanzjari tal-Punent illum saru wkoll mira leġittima waqt din il-gwerra.
Madankollu, il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, qed joħroġ il-messaġġi li dan l-hekk-imsejjaħ ‘spike’ jew żieda fil-prezzijiet taż-żejt għandha titqies bħala konsegwenza temporanja tal-konflitt u meta hu qed jistenna li s-sitwazzjoni tistabbilizza ruħha mill-ġdid fi kwistjoni ta’ ġranet aktar milli ġimgħat.
Sigħat wara, ħarġet l-istqarrija tal-Ayatollah ġdid tal-Iran, Mojtaba Khamenei, li għadu ma deherx fil-pubbliku mindu laħaq Mexxej Suprem wara missieru. Mojtaba Khamenei tenna bla tlaqliq li pajjiżu se jkompli jimblokka t-traffiku tal-vapuri mir-Rotta ta’ Hormuz fost il-wiegħda li pajjiżu akkost ta’ kollox se jivvendika l-qtil taI-Iranjani waqt din il-gwerra.
Min-naħa tagħhom, il-qawwiet Amerikani u Iżraeljani konċentraw l-attakki ġodda fuq il-milizji tal-Basij li huma element armat importanti ieħor tar-reġim Iranjan. Dan meta l-Istati Uniti u Iżrael iridu joħolqu l-kundizzjonijiet biex l-Iranjani li jopponu lir-reġim Iżlamiku joħorġu fit-toroq u jikkuntestaw bil-miftuħ l-oppressjoni tal-ġerarkija ta’ Khamenei.
Fi żviluppi oħra, inqatlu diversi nies fil-Libanu – b’mod partikulari f’zona ta’ Bejrut – wara li l-qawwiet tal-ajru Iżraeljani wettqu sensiela oħra ta’ attakki fuq is-siti u ċ-ċentri tal-pajjiż ikkontrollati mill-grupp Ħeżbollah li jibqa’ l-akbar alleat tal-Iran fir-reġjun.
//= $special ?>

