Pajjiżi Ewropej jappellaw lill-organizzaturi biex jerġgħu jikkunsidraw il-parteċipazzjoni Russa fil-Biennale ta’ Venezja li fiha Malta se tkun qed tipparteċipa b’padiljun
Malta ma kinetx fost 22 pajjiż Ewropew li kitbu lill-organizzaturi tal-Biennale di Venezia biex iħeġġuhom jerġgħu jikkunsidraw l-istedina lir-Russja biex tipparteċipa fl-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ din il-wirja internazzjonali tal-arti.
L-ittra kienet iffirmata minn 20 pajjiż imsieħeb fl-Unjoni Ewropea flimkien ma’ żewġ pajjiżi oħra. Dawk fl-UE huma: l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, il-Kroazja, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, l-Olanda, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, Spanja u l-Iżvezja. Iż-żewġ pajjiżi l-oħra huma n-Norveġja u l-Ukrajna.
Skont Ministri tal-Kultura minn dawn il-pajjiżi, il-parteċipazzjoni Russa f’avveniment kulturali internazzjonali waqt li għadha għaddejja l-invażjoni tal-Ukrajna, tista’ tibgħat “sinjal profondament problematiku” lill-komunità internazzjonali.
Malta se tkun qed tieħu sehem fil-Biennale 2026. Il-Ministru tal-Kultura flimkien mal-Kunsill Malti tal-Arti diġà ħabbru li Malta se tkun preżenti b’padiljun nazzjonali bit-titlu No Need to Sparkle; Experiments in Love and Revolution b’xogħlijiet ta’ artisti Maltin.
Il-Biennale ta’ Venezja hi waħda mill-aktar wirjiet prestiġjużi tal-arti kontemporanja fid-dinja. Stabbilita fl-1895, tilqa’ padiljuni nazzjonali minn madwar 100 pajjiż differenti.
Lanqas l-Italja, il-pajjiż li qed jospita l-Biennale, ma kien fost il-firmatarji tal-ittra, iżda Alessandro Giuli, il-Ministru Taljan tal-Kultura, tkellem pubblikament kontra l-parteċipazzjoni Russa u wera tħassib dwar il-messaġġ li jista’ jintbagħat f’dan il-kuntest internazzjonali.
Minbarra Malta u l-Italja, kien hemm ħames membri oħrajn tal-UE li ma ffirmawx l-ittra. Dawn huma Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija, is-Slovakkja, u s-Slovenja.
Il-kwistjoni saret aktar sensittiva għal Malta fid-dawl tal-pożizzjoni qawwija espressa mill-Kummissarju Ewropew Malti, Glenn Micallef, li hu, fost l-oħrajn, responsabbli għall-qasam kulturali. F’kummenti pubbliċi kkundanna d-deċiżjoni li r-Russja terġa’ tieħu sehem fil-Biennale.
F’dikjarazzjoni konġunta ma’ uffiċjali oħrajn tal-Kummissjoni Ewropea, Micallef sostna li tali parteċipazzjoni mhix kompatibbli mar-rispons kollettiv tal-Ewropa għall-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna, u wissa li l-kultura ma tistax tintuża bħala pjattaforma għal stat li qanqal gwerra bħal din.
Il-Kummissjoni Ewropea stess esprimiet tħassib serju dwar id-deċiżjoni tal-organizzaturi tal-Biennale u enfasizzat li istituzzjonijiet kulturali internazzjonali għandhom jikkunsidraw ukoll il-messaġġ politiku u simboliku li jintbagħat f’sitwazzjoni bħal din. Il-Kummissjoni saħansitra indikat li tista’ tikkunsidra l-possibbiltà li jkunu riveduti jew sospiżi fondi Ewropej relatati mal-Biennale jekk il-parteċipazzjoni Russa tkompli kif ippjanat.
F’dan il-kuntest, in-nuqqas ta’ Malta mil-lista tat-22 pajjiż li appellaw formalment lill-Biennale tqajjem aktar mistoqsijiet, speċjalment wara li uffiċjal fl-ogħla livell tal-istituzzjonijiet Ewropej esprima oppożizzjoni ċara għal din il-parteċipazzjoni.
//= $special ?>

