Kummerċ Lokali

MeDirect isaħħaħ l-isfida tiegħu lill-banking tradizzjonali

B’kapital ġdid, innovazzjoni u pjattaforma b’saħħitha

Il-Bord tad-Diretturi tal-Bank MeDirect approva r-Rapport Annwali u l-Istqarrijiet Finanzjarji Awditjati għas-sena finanzjarja li ntemmet fil‑31 ta’ Diċembru 2025.

Sidien u Tmexxija Ġdida

MeDirect Bank ħabbar it-tlestija b’suċċess tal-akkwist ta’ MDB Group Limited minn Banka CREDITAS a.s. (“Banka CREDITAS”) f’Settembru 2025, wara l-approvazzjoni regolatorja mogħtija mill-Bank Ċentrali Ewropew f’Awwissu 2025.

Banka CREDITAS huwa parti mill-CREDITAS Group, grupp ta’ investiment privat diversifikat li jopera fis-servizzi finanzjarji, fil-proprjetà immobbli u fl-enerġija. Bħal MeDirect, Banka CREDITAS hu bank ‘challenger’ ieħor, li qed iġib miegħu kontrollur u sid li jaqbel mal-istrateġija tal-Bank Malti.

Banka CREDITAS a.s. investiet ukoll €40 miljun f’kapital ġdid sal-lum, b’impenn sod għal aktar investiment fl‑2026. Dan jipprovdi lill-Grupp ir-riżorsi finanzjarji meħtieġa biex iħaffef l-istrateġija eżistenti tiegħu ta’ tkabbir fis-swieq ewlenin tiegħu.

Jean‑Claude Maher inħatar Kap Eżekuttiv tal-Grupp, suċċessur ta’ Arnaud Denis, b’effett minn 31 ta’ Jannar 2025. Is-Sur Maher għandu aktar minn 30 sena esperjenza fil-banking, inklużi rwoli mportanti ma’ Deutsche Bank AG f’oqsma korporattivi, ta’ tranżazzjonijiet u ta’ private banking.

Jean‑Claude Maher, Kap Eżekuttiv tal-Grupp f’MeDirect, qal, “Permezz tal-akkwist minn Banka CREDITAS, MeDirect issa għandu azzjonist kontrollanti b’saħħtu finanzjarjament u allinjat mal-istrateġija tiegħu – wieħed li għandu l-istess mentalita’ ta’ bank ‘challenger’ bank u l-istess impenn lejn il-klijent u l-innovazzjoni.”

Tkabbir fin-numru ta’ klijenti u tan-negozju

Il-Grupp irreġistra tkabbir sod fis-swieq ewlenin tiegħu f’Malta u l-Belġju matul l‑2025. Fil-Belġju, in-numru tal-klijenti li jinvestu żdied bi 34% għal 50,000, filwaqt li t-tkabbir ġenerali tal-klijenti żdied bi 12.5%.

F’Malta, il-franchise tal-corporate banking kibret għal aktar minn 650 klijent tan-negozju, appoġġjata minn firxa sħiħa ta’ soluzzjonijiet ta’ self u bbankjar.

Fl-Olanda, il-Bord iddeċieda li jtemm l-attivitajiet tar-Retail & Wealth wara reviżjoni strateġika. Madwar 60% ta’ aktar minn 3,700 klijent aċċettaw li jibdew jużaw il-pjattaforma Maltija tal-Grupp. In-negozji Olandiżi NHG u tal-Buy‑to‑Let baqgħu mhux affettwati.

 Il-Pjattaforma diġitali avvanzata ta’ MeDirect

Matul l‑2025, MeDirect kompla jinvesti b’mod sinifikanti fil-pjattaforma diġitali tiegħu, billi wettaq programm immirat ta’ titjib fis-servizzi tal-Wealth Management u l-eBanking. Dawn l-investimenti kienu maħsuba biex jagħtu benefiċċji konkreti lill-klijenti, isaħħu l-pedamenti operattivi tal-Bank u jappoġġjaw it-tkabbir fit-tul.

Il-programm kien imfassal fuq erba’ prijoritajiet ċari. L-ewwel kienet li tkabbar il-firxa tal-prodotti — billi jissaħħu l-kapaċitajiet kemm fl-ibbankjar kif ukoll fil-wealth management, sabiex jiġu indirizzati aħjar il-bżonnijiet li qed jevolvu tal-klijenti retail u korporattivi, u biex jissaħħu r-relazzjonijiet mal-klijenti eżistenti.

It-tieni kienet li timodernizza t-teknoloġija bażika — b’aċċelerazzjoni tal-infrastruttura kruċjali għal waħda interna, inkluża l-migrazzjoni tal-eżekuzzjoni tal-mutual funds għal servizz intern, it-tnedija ta’ sistema ġdida tal-ipprezzar, u t-titjib tal-Payments Hub tal-Bank. Dawn il-passi jnaqqsu l-ispiża tas-servizz, isaħħu l-kontroll fuq id-dejta, u jtejbu s-sigurtà u l-prevenzjoni tal-frodi.

It-tielet kienet li jissaħħu l-kapaċitajiet tal-governanza tar-riskju, tal-konformità u tad-data tal-Bank, bħala risposta għal ambjent regolatorju aktar impenjattiv u xenarju ġeopolitiku li qed jinbidel.

Ir-raba’ kienet it-tisħiħ tas-sigurtà tal-pjattaforma, b’avvanz kontinwu fl-arkitettura tas-sigurtà u fil-prevenzjoni tal-frodi biex jipproteġi lill-klijenti u lill-pjattaforma.

Prestazzjoni finanzjarja

Il-Grupp irreġistra telf qabel it-taxxa ta’ €6.1 miljun (2024: €5 miljun), li jirrifletti tliet fatturi intenzjonati u li ma jirreptux.

L-ewwel kien il-ħruġ prattikament komplet mill-portafoll Institutional Credit Lending (ICL), li naqas b’90% għal €21.5 miljun, u b’hekk dan neħħa l-portafoll  li storikament kellu l-ogħla marġni għall-Grupp, iżda li ma kienx parti mill-attivitajiet ewlenin tiegħu.

It-tieni kienet il-pressjoni fuq ir-ratio ta’ leverage qabel it-tlestija tal-akkwist f’Settembru 2025, li naqqset it-tkabbir tal-kontabilità u d-dħul matul bosta xhur tas-sena.

It-tielet kienu spejjeż ta’ ristrutturar, riorganizzazzjoni u reviżjoni tal-kontabbilità wara l-akkwist, b’impatt ta’ €4 miljun li ġew assorbiti kollha fl‑2025.

Esklużi dawn l-oġġetti, il-Grupp irreġistra qligħ operattiv nett sottostanti ta’ €0.8 miljun.

Id-dħul operattiv naqas b’€8.9 miljun, l-aktar minħabba l-ħruġ mgħaġġel mill-portafoll ICL, li waħdu kkontribwixxa madwar €10.3 miljun għat-tnaqqis annwali.

Eskluż l-ICL, id-dħul operattiv sottostanti żdied b’€1.2 miljun (1.3%) sena fuq sena, imqanqal minn tkabbir fis-self ipotekarju, is-self tan-negozju Malti u l-miżati tal-wealth management (li telgħu b’10.3% għal €7.9 miljun).

L-ispejjeż operattivi żdiedu b’€4.7 miljun, l-aktar minħabba €4.2 miljun f’ħlasijiet regolatorji mhux diskrezzjonali (skemi ta’ kumpens tad-depożitanti u tariffi ta’ superviżjoni). Esklużi dawn, il-bażi tal-ispejjeż baqgħet stabbli. L-Expected Credit Losses (“ECLs”) ammontaw għal ħlas nett ta’ €2.9 miljun (2024: ħlas nett ta’ €19.3 miljun), attribwibbli l-aktar għall-ħelsien ta’ provvisti relatati mal-portafoll ICL.

 Pożizzjoni tal-kontabilità, kapital u likwidità

L-assi totali telgħu b’5.2% għal €5.34 biljun sal‑31 ta’ Diċembru 2025. Self u avvanzamenti netti lill-klijenti telgħu bi 3.3% għal €3.0 biljun; esklużi l-ICL, il-bilanċi tas-self sottostanti telgħu b’10.4%.

Il-mortgages Olandiżi NHG garantiti mill-gvern jibqgħu l-akbar klassi ta’ assi tal-Grupp, li jirrappreżentaw 38% tal-assi kollha.

Il-portafoll Buy‑to‑Let Olandiż laħaq €248.3 miljun (+43%). Il-portafoll ta’ mortgages residenzjali Belġjani qabżu l-€500 miljun (+48%).

Il-portafoll ta’ mortgages Maltin żdied bi17%, filwaqt li s-self tan-negozju Malti żdied b’35.6%. Id-depożiti tal-klijenti żdiedu b’6.7% għal €4.1 biljun.

Ir-rata tal-NPL niżlet b’mod sinjifikanti minn 2.2% għal 0.9%, kif diġa ssemma aktar ‘il fuq u hija riflessjoni tal-kompletezza tal-istrateġija ta’ tnaqqis tar-riskju tal-Grupp.

Il-proporzjonijiet kollha tal-kapital u tal-likwidità qabżu r-rekwiżiti regolatorji.

Ir-Ratio tal-Kopertura tal-Likwidità (LCR) kien 196% (2024: 183%), u r-Ratio tan-Negozjar ta’ Finanzjament Stabbli (NSFR) kien 133% (2024: 122%), li jitfgħu      dawl fuq l-approċċ prudenti tal-Grupp lejn il-ġestjoni tal-likwidità u l-profil sod tal-finanzjament strutturali tiegħu.

Ir-ratio tal-kapital Tier 1 ta’ MeDirect kien 20.8% sal‑31 ta’ Diċembru 2025 (2024: 16.4%), b’rata totali ta’ kapital ta’ 23.5% (2024: 19.8%).

Ir-ratio tal-leverage tela’ għal 4.8% (2024: 4.4%), jirrifletti kemm il-kapital miżjud mill-azzjonist kif ukoll id-dixxiplina kontinwa fil-bilanċ kontabbli.

 ESG u Responsabbiltà Soċjali

MeDirect kompla jintegra l-prinċipji Ambjentali, Soċjali u ta’ Governanza (ESG) fl-operazzjonijiet tiegħu u jippromwovi kuxjenza ESG fl-organizzazzjoni kollha. Fl‑2025, MeDirect irċieva Gold Medal mingħand EcoVadis, u daħal fost l-aqwa 5% tal-kumpaniji globali vvalutati.

Il-Grupp temm Double Materiality Assessment biex jidentifika l-prijoritajiet għall-istrateġija ESG tiegħu. MeDirect sar firmatarju tal-Malta Diversity and Inclusion Charter u jimpjega nies minn aktar minn 30 nazzjonalità. L-uffiċini f’Malta u l-Belġju għandhom ċertifikazzjonijiet LEED u CWaPE rispettivament.

Ħarsa ’l quddiem

Bl-appoġġ ta’ Banka CREDITAS u tim impenjat f’Malta u l-Belġju, il-Bord jidħol fl‑2026 b’fiduċja. It-telf irrappurtat fl‑2025 kien riżultat intenzjonat ta’ ristrutturar minn qabel, tnaqqis tar-riskju tal-kontabilità u assorbiment ta’ spejjeż mhux rikorrenti. Il-Grupp jinsab f’pożizzjoni soda biex jerġa’ lura għal profittabilità sostenibbli.

Il-prijoritajiet strateġiċi għall‑2026 u lil hinn jinkludu tkabbir tal-franchise tal-klijenti f’Malta u l-Belġju, tissaħħaħ l-offerta diġitali u tal-wealth management, tissaħħaħ il-franchise tal-corporate banking f’Malta u jiġu ġġenerati redditi stabbli għall-partijiet interessati kollha.

Maher ikkonkluda, “Fl‑2025, MeDirect tmexxi b’suċċess perjodu ta’ tranżizzjoni sinifikanti, u ħareġ aktar b’saħħtu, aktar kapitalizzat u aktar iffukat strateġikament. Hekk kif inħarsu ’l quddiem, il-prijoritajiet strateġiċi tal-Grupp huma li jkabbar in-negozju tiegħu f’Malta u l-Belġju, japprofondixxi r-relazzjonijiet mal-klijenti permezz ta’ offerta diġitali dejjem aktar bla xkiel u komprensiva, li jespandi l-pjattaforma tal‑wealth management, li jkabbar u jsaħħaħ il-franchise tal‑business banking f’Malta, u li jiġġenera dħul stabbli u konsistenti għall-benefiċċju tal-partijiet kollha interessati. Bl-appoġġ ta’ Banka CREDITAS u ta’ tim mimli talent u impenjat f’Malta u l-Belġju, MeDirect jidħol fl‑2026 b’fiduċja fl-istrateġija, fil-pjattaforma u fl-impjegati tiegħu.”