Lokali Qorti

Miċħuda l-ħelsien mill-arrest għal raġel akkużat b’fastidju u ksur ta’ ordni ta’ trażżin fil-konfront tal-eks sieħba tiegħu

Miċħuda l-ħelsien mill-arrest għal Wayne Vella akkużat b’fastidju u ksur ta’ ordni ta’ trażżin
Raġel ta’ 44 sena minn Marsaskala, Wayne Vella, tressaq il-Qorti llum akkużat b’serje ta’ reati relatati ma’ fastidju u ksur ta’ ordni ta’ trażżin fil-konfront tal-eks sieħba tiegħu.

Il-każ instema’ quddiem il-Maġistrat Elaine Rizzo, filwaqt li l-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Audrey Micallef u d-difiża kienet rappreżentata mill-avukat Matthew Xuereb.

Fil-Qorti, il-pulizija ppreżentaw lil Vella li skont l-akkużi, fl-10 ta’ Marzu 2026 l-imputat allegatament fastidja lill-eks sieħba tiegħu, li hija wkoll omm iż-żewġ uliedu minorenni. Il-fastidju allegatament sar permezz ta’ messaġġi u kuntatti ripetuti fuq mezzi ta’ komunikazzjoni elettronika.

Il-prosekuzzjoni allegat ukoll li permezz ta’ network jew apparat ta’ komunikazzjoni elettronika huwa ingaġġa f’kliem offensiv jew ta’ theddid fil-konfront tal-eks sieħba tiegħu.

Vella jinsab akkużat ukoll li kiser ordni ta’ trażżin maħruġa mill-Qorti tal-Maġistrati fil-5 ta’ Frar 2026 mill-Maġistrat Tanya Sammut favur il-vittma. Barra minn hekk, l-allegati reati saru waqt li kien għadu fil-perjodu operattiv ta’ sentenza ta’ sentejn priġunerija sospiża għal erba’ snin, imposta wkoll fil-5 ta’ Frar 2026.

Il-pulizija żiedu li l-imputat huwa wkoll reċidiv minħabba sentenza preċedenti li hija definittiva. Vella wieġeb mhux ħati tal-akkużi. Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, iżda l-prosekuzzjoni opponiet it-talba u argumentat li l-imputat kien diġà ngħata ċans permezz tas-sentenza sospiża u xorta allegatament reġa’ wettaq reati simili.

Min-naħa tagħha, id-difiża sostniet li l-messaġġi mibgħuta ma kinux ta’ natura vjolenti u ma kien fihom l-ebda theddid. L-avukat irrimarka wkoll li f’wieħed mill-messaġġi l-imputat skuża ruħu jekk kien qed ikun tedjanti u qal “sellili għat-tfal”.

Wara li semgħet l-argumenti taż-żewġ naħat, il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.
Il-proċeduri fil-każ għadhom għaddejjin.