Lokali

NET MEDIA tipparteċipa fil-Careers Day tal-Kulleġġ De La Salle

Fit-23 edizzjoni ta’ Careers Day organizzata mill-Kulleġġ De La Salle fil-Birgu diversi studenti kellhom l-opportunita jżuru l-istand ta’ Net Media.

Flimkien ma’ diversi professjonisti mistiedna sabiex juru xi tfisser il-professjoni tagħhom lil diversi tfal u żgħażagħ, dawk preżenti setgħu jaraw kif propju titħaddem l-għodda neċessarja kemm biex tittella’ produzzjoni kif ukoll x’jinvolvi xogħol mhux biss ta’ cameraman iżda anke ta’ direttur.

Dan filwaqt li kien spjegat ukoll x’inhi l-għodda kemm ta’ preżentatur kif ukoll ta’ ġurnalist hekk kif preżenti kien hemm ġurnalisti ta’ Net News kemm mill-qasam politiku u ta’ kronaka, kif ukoll mit-taqsima ta’ Net Sports.

Kien spjegat x’ħidma jkun hemm mhux biss quddiem il-cameras, iżda wkoll kif issir il-kitba kemm online u anke fil-ġurnali In-Nazzjon u l-Mument.

Intant, preżenti kien hemm ukoll it-tmexxija ta’ Net Media fejn kien spjegat x’ħidma tinvolvi sabiex bħala stazzjon privat ikollok l-akbar udjenzi rregistrata fuq l-istħarriġ tal-Awtorità tax-Xandir hekk kif bħala stazzjon m’hemmx biss il-Kamra tal-Aħbarijiet iżda wkoll il-programmi li jżommu kumpanija ta’ kuljum lit-telespettaturi, kif ukoll lis-semmiegħa fuq ir-radju Net FM.