Opinjoni

Opinjoni: L-eħxen żball ta’ Muscat-Abela

Il-pajjiż jeħtieġ il-ħiliet aktar mil-lealtà lejn il-partit. Nistaqsi, imma, aħniex lesti nimmilitaw għal bidla kulturali bħal din.

Mark A. Sammut Sassi

Dal-aħħar, YouTube tellagħli video tal-2015 tal-grupp Taljan Pooh qed ikantaw kanzunetta klassika tal-mużika leġġera Taljana, “Pensiero”. Melodija sabiħa, daqq tajjeb, u dan kollu – però lili laqtitni d-dinamika bejn il-membri tal-grupp. Ħarġet ċara l-ħbiberija ta’ bejniethom u r-rispett wieħed lejn l-ieħor, u fuq kollox il-pjaċir li jdoqqu flimkien.
Aktar importanti minn dan kollu, iżda, li magħqudin qaqoċċa jesegwixxu l-istess biċċa mużika, b’lealtà lejn (se nilgħab bil-kliem) il-Ħsieb, f’temp dixxiplinat u marsus, ikkordinati b’mod effiċjenti biex jisfornaw prodott għall-għoġba tal-udjenza. Qisu l-mudell demokratiku tal-politika.
Jien u nifli did-dinamika, ftakart f’metafora li kien iħobb juża Mussolini. Għad-dittatur Faxxista ċ-ċittadini, l-istituzzjonijiet, u l-organizzazzjonijiet tal-Istat kienu l-mużiċisti li flimkien jagħmlu l-orkestra. Li jridu jobdu lis-surmast tal-orkestra – f’dil-metafora d-Dittatur, Mussolini nnifsu.
Bilfors, f’għajnejja, hemm kuntrast qawwi bejn in-natura demokratika tal-grupp rock u n-natura dittatorjali tal-orkestra. Dit-tema kienet ġiet ukoll esplorata minn Roger Waters, fi żmien meta fil-grupp rock tiegħu Pink Floyd kien hemm tensjonijiet bejn dinamika demokratika u approċċ dittatorjali: dil-esplorazzjoni ħarġet fl-album The Wall u fil-film tal-1982, dirett minn Alan Parker, bl-istess isem u mnebbaħ mill-istess album. Bħal dejjem, l-ideat ta’ Waters dwar il-politika huma interessanti, però espressi bil-mod tar-rock stars, li mhux il-mod analitiku – li lili jogħġobni aktar – tal-ħassieba.
Hu x’inhu, dal-kuntrast bejn dinamika demokratika u dinamika dittatorjali fl-organizzazzjoni tal-mużiċisti (rock band versus orkestra) jikseb valur politiku. Jgħinna nifhmu l-qafas politiku li ngħixu fih illum.

Malta bħala orkestra
Meta l-istoriċi tal-futur se jħarsu lura lejn il-bidu tas-seklu 21 biex jiktbu ġrajjietu, se jiddedikaw kapitli u saħansitra kotba sħaħ għal Joseph Muscat u s-suċċessur-dixxiplu tiegħu Robert Abela.
L-istoriċi se jaraw li l-istil ta’ tmexxija ta’ Muscat u Abela (jew, Muscat-Abela) bħala kopja ta’ dak tal-orkestra, kemm fil-partit kemm fil-pajjiż.
Fuq il-karta, aħna suppost għandna gvern kolleġjali – il-Kabinett tal-Ministri suppost imexxih il-pajjiż – jiġifieri gvern li jaġixxi bil-mentalità demokratika. Minflok, għandna gvern prim-ministerjali, immexxi qisu orkestra.
B’differenza minn Alfred Sant – li, naf fiċ-ċert, ipprova jdaħħal stil ta’ tmexxija ‘demokratika’ – Muscat, u Abela warajh, jidher li għażlu t-tmexxija tal-orkestra fil-partit. Dat-tip ta’ tmexxija jfisser li min ma jaqbilx mas-surmast, jitkeċċa mill-orkestra. Ifisser ukoll li l-lealtà tkun aktar importanti mill-ħila. U jfisser ukoll element ta’ biża’ mhux żgħir.
Dan hu l-eħxen żball ta’ daż-żewġ mexxejja. Żball mhux f’termini ta’ politika partiġjana, għax għall-politika partiġjana, li tittratta l-partit bħala orkestra bil-Mexxej bħala s-surmast hu mod ta’ tmexxija li jnaqqas ir-riskji u jsaħħaħ il-poter tal-Mexxej.
L-iżball hu wieħed ta’ amministrazzjoni nazzjonali, li jolqot lil kull ċittadin u ċittadina ta’ Malta.

Amministrazzjoni pubblika b’nuqqasijiet kbar
Li l-amministrazzjoni pubblika f’pajjiżna taħdem b’nuqqasijiet kbar hu ċar għal kull min imiss magħha. Jien nasal għal dil-konklużjoni minħabba fi tliet raġunijiet. L-ewwel nett, l-esperjenzi personali tiegħi u ta’ membri tal-familja tiegħi. It-tieni, minn dak li nisma’ min-nies. It-tielet, mis-sentenzi tal-Qorti Ewropea tal-Jeddijiet tal-Bniedem (QEJB).
Is-sentenzi tal-QEJB huma disponibbli għal kull min irid ifittixhom, u allura dak li qed ngħid jista’ jiġi faċilment verifikat. Das-sentenzi huma ferm interessanti għax joħroġ ċar ħafna minn dawk fosthom fejn Malta nstabet ħatja li kisret il-jeddijiet tal-bniedem, illi l-amministrazzjoni pubblika l-jeddijiet tiksirhom mhux darba imma ripetutament. Dan hu sintomu ikreh tal-inkapaċità li wieħed mhux biss jevitah l-iżball imma saħansitra li jikkoreġih – u dil-inkapaċità normalment tfisser li l-ħatriet ikunu saru msejsin mhux fuq il-ħila imma fuq il-lealtà lejn il-partit fil-poter.
Ma jfissirx li għax wieħed ikun leali ma jkollux ukoll ħila. Imma lanqas ma jfisser li għax wieħed ikun leali bilfors irid ikollu ħila. Il-lealtà u l-ħila huma żewġ karatteristiċi kompletament u fundamentalment differenti.

Ħatriet bażati fuq lealtà mhux ħila
Il-ħatra ta’ nies abbażi tal-lealtà politika tagħhom biss, li ġie li ssir a skapitu ta’ min ikollu l-ħila imma anqas lealtà, hi ta’ ħsara kbira għall-pajjiż.
Trid politiku għaqli biex jagħraf isib l-ekwilibriju bejn it-tnejn. U biex jagħraf dawk l-individwi leali imma ta’ ħila u jaħtar lilhom, forsi anki billi jwarrab lil dawk ta’ lealtà kbira u ħila iżgħar.
Il-mentalità tal-orkestra ssaħħaħha dil-kultura, li tippremja l-lealtà aktar milli tippremja l-ħila. Dil-mentalità taqleb rasha ’l isfel l-idea tal-meritokrazija. U nispiċċaw, allura, b’entitajiet tal-gvern immexxijin minn nies lealissmi lejn il-gvern tal-ġurnata imma ma jiswew xejn f’dak li għandu x’jaqsam mal-ħila.
Konvint li intom il-qarrejja tafu daqsi b’eżempji ta’ dan. Il-pajjiż jeħtieġ il-ħiliet aktar mil-lealtà lejn il-partit.
Nistaqsi, imma, aħniex lesti nimmilitaw għal bidla kulturali bħal din.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 12 ta’ Marzu, 2026.