Opinjoni

Opinjoni: L-Unjoni Ewropea u l-ħtieġa ta’ riforma

Mhux bilfors naqblu fuq kollox, imma bla dubju ta’ xejn is-sentiment li riforma mhijiex kapriċċ imma ħtieġa, huwa korrett

Angelo Micallef

L-istorja tal-Unjoni Ewropea mhijiex waħda mingħajr mumenti differenti ta’ kriżi. Storikament forsi l-każ klassiku kien dak li baqa’ magħruf bħala l-empty chair crises.
Din il-kriżi bdiet meta Franza, dak iż-żmien taħt it-tmexxija ta’ Charles de Gaulle, bdiet tirrifjuta li tattendi laqgħat tal-Kunsill Ewropew fi ħdan il-Komunità Ekonomika Ewropea u dan bħala protesta kontra proposti li kienu jimpattaw il-Politika Komuni tal-Agrikultura u aktar speċifikament dwar jekk kellux ikun hemm il-ħtieġa ta’ vot unanimu biex ikun hemm ċerti deċiżjonijiet.
Din il-kriżi, li kienet theddida enormi għall-kontinwazzjoni tal-proġett Ewropew, ġiet riżolta fl-1966 bil-kompromess tal-Lussemburgu meta daħal fis-seħħ il-prinċipju li f’każ ta’ deċiżjonijiet ta’ ċerta portata kien hemm il-ħtieġa ta’ vot unanimu fost il-membri.
Kien il-mument fejn effettivament fl-Unjoni Ewropea ġie msaħħaħ il-kunċett tal-veto, jiġifieri li pajjiż wieħed għandu s-saħħa jwaqqaf il-proċess kollu anke jekk ikun l-unika pajjiż li qiegħed jopponi. Dan għadu l-każ sal-lum il-ġurnata kif joħroġ ċar pereżempju mill-veto tal-Ungerija fejn jidħlu sanzjonijiet addizzjonali kontra r-Russja u l-għoti ta’ self lill-Ukrajna.

Dibattitu jaħraq
Il-punt tal-kompromess tal-Lussemburgu kien sabiex jiġi salvagwardjat il-kunċett tas-sovranità nazzjonali tal-pajjiżi membri.
Il-punt ta’ De Gaulle kien wieħed ċar kristall kontra kull pass li seta’ jittieħed li jqarreb lill-Unjoni Ewropea aktar lejn mudell federali. Dan għadu dibattitu jaħraq sal-lum il-ġurnata kif anke ħareġ fil-proċess tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni Ewropea lura fl-2004, liema proċess spiċċa għereq meta l-Olanda u Franza qalu le f’referendum. Proċess li wassal minflok għat-Trattat ta’ Lisbona li adotta ħafna mill-kontenut tiegħu però żamm b’saħħtu l-kunċett tal-veto.
Hija munita b’żewġ naħat tassew; fuq naħa l-Unjoni Ewropea qiegħda darba wara l-oħra tispiċċa f’sitwazzjoni fejn ma tistax taġixxi jew taġixxi bil-ħeffa u l-kuraġġ meħtieġ sempliċiment għaliex l-unanimità mhux faċli tinkiseb meta għandek 27 pajjiż b’interessi differenti. Fuq in-naħa l-oħra l-anqas ma jista’ jkollok sitwazzjoni fejn dak li jiġi deċiż f’Berlin, Pariġi u Ruma prattikament jiddetta dak li jiġri fil-bqija tal-Ewropa.

Biex l-UE tibqa’ relevanti
Xafra li tassew taqta miż-żewġ naħat u li għaliha m’hemmx risposta waħda u ċara. Madankollu jkun żball jekk nagħmlu bħall-gallozz u nirrifjutaw li naċċettaw li hemm bżonn nitkellmu dwar il-futur tal-Unjoni Ewropea u kif se naċċertaw li l-Unjoni Ewropea tibqa’ relevanti; tibqa’ f’pożizzjoni kompetittiva u tkun forza politika, ekonomika u anke militari li tista’ tikkompeti mal-akbar forzi fid-dinja. Jeħtieġ li nsibu dak il-bilanċ fin li filwaqt li ma jxejjinx is-sovranità nazzjonali, ma jwassalx għal sitwazzjoni fejn il-kapriċċ ta’ wieħed iwaqqaf lill-bqija.
Ikun żball jekk naħsbu li l-isfida tal-Unjoni Ewropea hija esklussivament Viktor Orban u l-Ungerija. Illum il-problema huwa Orban, pitgħada jkun Fico u xahar ieħor ikun xi politiku ieħor li jagħżel li jagħmel grandstanding sempliċiment biex jikseb punti politiċi domestiċi, anki a skapitu tal-abbiltà tagħna bħala kontinent li nibqgħu relevanti.
Is-soluzzjoni mhijiex biss li nittamaw li Orban jitlef f’April, għalkemm ikun ferm pożittiv jekk dan iseħħ, imma li jkollna struttura li ma tippermettix ostaġġi politiċi b’mod daqshekk faċli.
Il-mudell ta’ Charles de Gaulle u l-kompromess tal-Lussemburgu nħoloq f’dinja differenti ħafna. Inħoloq f’ċirkostanzi li diffiċli tqabbilhom ma’ dawk tal-lum. Naturalment għal dan id-dibattitu jeħtieġ li jkun hemm sens ta’ rieda tajba minn kulħadd. Jeħtieġ li nifhmu s-sentiment tal-elettorat li darba wara l-oħra għamilha ċara li filwaqt li jrid Unjoni Ewropea effiċjenti mhuwiex lest li jdgħajjef il-kunċett ta’ sovranità nazzjonali. Jeħtieġ li naraw li jinkiseb il-bilanċ. B’sens ta’ rieda tajba nemmen li nistgħu naslu.

F’dinja u ċirkostanzi differenti
Il-periklu jekk nagħmlu bħall-gallozz huwa li l-Unjoni Ewropea se tkompli ssibha dejjem aktar diffiċli biex tlaħħaq ma’ dinja li miexja b’pass mgħaġġel ħafna u fejn iċ-ċirkostanzi ta’ filgħodu huma għalkollox differenti miċ-ċirkostanzi ta’ filgħaxija.
F’rapport l-Eks Prim Ministru Ingliż Sir Tony Blair u l-kap ta’ JP Morgan Chase Jamie Dimon saħqu li fejn tidħol l-Unjoni Ewropea, “Reform is not optional; ⁠it is required to remain relevant”.
Forsi mhux bilfors wieħed jaqbel mal-kontenut tar-rapport kollu, imma bla dubju ta’ xejn li s-sentiment li riforma mhijiex kapriċċ imma ħtieġa, huwa korrett.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 12 ta’ Marzu, 2026.