Raġel ta’ 25 sena mixli b’fastidju u vjolenza fuq l-eks sieħba tiegħu jingħata l-ħelsien mill-arrest
Raġel ta’ 25 sena, Andrea Bardhoshi, tressaq il-Qorti akkużat b’diversi reati relatati ma’ fastidju u vjolenza fil-konfront tal-eks sieħba tiegħu.
Il-każ instema’ fil-Qorti tal-Maġistrati fejn il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Omar Zammit. Bardhoshi wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih. Skont l-akkużi, bejn it-28 ta’ Frar u t-8 ta’ Marzu 2026, f’diversi ħinijiet u postijiet madwar Malta, l-imputat allegatament fastidja lill-eks sieħba tiegħu, li magħha kien f’relazzjoni.
Il-prosekuzzjoni allegat li l-imputat kien jagħmel kuntatt ripetut mal-vittma, kif ukoll kien imur qrib ir-residenza tagħha u fil-post tax-xogħol tagħha. Ġie allegat ukoll li kien hemm diversi telefonati li fihom saru insulti. Il-vittma għamlet tliet rapporti mal-pulizija dwar l-imġiba tal-imputat.
l-Qorti semgħet ukoll kif fit-28 ta’ Frar, allegatament, Bardhoshi kien qed jistenna lill-vittma qrib id-dar tagħha Tas-Sliema. Skont l-prosekuzzjoni, kellhom argument u l-imputat allegatament ta daqqa ta’ ħarta lill-vittma.
Mill-informazzjoni mogħtija fil-Qorti rriżulta li Bardhoshi ġie arrestat fl-10 ta’ Marzu wara li ġie mitlub jattendi fil- Hub tal-Imtarfa, fejn sussegwentement ġie arrestat. Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, talba li ma ġietx opposta.
Il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u ordnat ukoll ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma.
L-akkużat qed jiġi rrappreżentat mill-avukat Sarah Ciliberti.
Il-proċeduri fil-każ għadhom għaddejjin.


