Futbol Sport

Tikber il-possibiltá li l-Iran ma tilgħabx fit-Tazza tad-Dinja…min jista’ jieħu post l-Iran?

L-Iran jiċċelebraw il-kwalifikazzjoni tagħhom għat-Tazza tad-Dinja 2026, f'Marzu ta' sena llu.
L-Iran jiċċelebraw il-kwalifikazzjoni tagħhom għat-Tazza tad-Dinja 2026, f'Marzu ta' sena llu.

B’91 ġurnata biss ‘il bogħod mil-bidu tat-Tazza tad-Dinja li din is-sena se ssir f’tliet pajjiżi; l-Istati Uniti, l-Messiku u l-Kanada, dejjem qed tikber il-possibiltá li l-Iran ma jipparteċipax f’din l-edizzjoni minkejja li hu wieħed mill-pajjiżi li diġa’ kkwalifika għall-fażi finali ta’ din il-kompetizzjoni.

Fl-aħħar sigħat, il-Ministru Iranjan tal-Isport u ż-Żgħażagħ, Ahmad Donyamali, qal li l-Iran m’huwiex f’posizzjoni li jipparteċipa fit-Tazza tad-Dinja, f’edizzjoni fejn l-akbar ammont ta’ partiti se jkunu qed jintlagħbu fl-Istati Uniti.

Din id-dikjarazzjoni tal-Ministru Iranjan saret fid-dawl tal-fatt tal-attakki reċenti mill-Istati Uniti u Iżrael fuq l-istat Iżlamiku.

L-Iran għandhom jilgħabu f’Grupp G, bl-avversarji tagħhom fl-ewwel stadju ta’ dan it-turnament dinji se jkunu l-Belġju, l-Eġittu u New Zealand, b’logħbiet f’Los Angeles u Seattle, kollha bliet Amerikani.

Donyamali qal li l-Iran ma jistax jipparteċipa f’pajjiż li jikkunsidra bħala aggressur u li l-plejers mhumiex siguri. Żied jgħid li żewġ gwerer ġew imposti fuq l-Iran fl-aħħar xhur u eluf ta’ nies inqatlu, u għalhekk, skont il-Ministru Inranjan, “taħt l-ebda ċirkostanza ma għandna l-kundizzjonijiet xierqa biex nipparteċipaw fit-Tazza tad-Dinja.”

Id-domanda li bosta bir-raġun qed jistaqsu hi, min se jkun il-pajjiż li jieħu post l-Iran bħala wieħed mit-timijiet finalisti tat-Tazza tad-Dinja?

Skont ir-regoli tal-FIFA f’każ bħal dan, il-pajjiż li jieħu post l-Iran f’ċirkostanza bħal din hi fid-diskrezzjoni esklussiva tagħha u tieħu dawk il-miżuri li tqis meħtieġa. Il-FIFA tista’ tiddeċiedi li tissostitwixxi l-assoċjazzjoni membru parteċipant kkonċernat b’assoċjazzjoni oħra.

Jekk il-FIFA se timxi b’imparzjalitá, kif suppost għandha tagħmel, il-pajjiż magħżul għandu jkun l-Iraq, b’waħda mir-raġunijiet tkun li l-Iraq huwa l-pajjiż bl-ogħla ranking tal-FIFA minn fost dawk il-pajjiżi li għadhom qed jikkompetu għall-postijiet li fadal għall-pajjiżi tal-assoċjazzjonijiet membri li avvanzaw għall-play-offs interkonfederattiv.