Lokali

Fondi sabiex il-PN jilħaq il-miri taż-żminijiet tal-lum

Każin politiku jrid jilqa’ għall-eżiġenzi ta’ kulħadd; din hija d-dar naturali tagħkom.

Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg meta l-Ħamis nieda kampanja ta’ ġbir ta’ fondi b’risq il-Każin tal-Partit Nazzjonalista ta’ Ħal Tarxien, sabiex jinġabru flus bil-għan li jsir ristrutturar u jinxtara tgħamir ġdid fosthom lift.

Dan bil-għan li l-partitarji u mhux biss ikunu moqdija b’mod komdu, kemm żgħażagħ kif ukoll anzjani – tant li qed jinfetaħ fond għal dan il-għan.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg irringrazzja lil dawk kollha li xahar wara l-ieħor jaħdmu qatigħ favur il-partit bil-għan li jwasslu l-messaġġ fost ir-residenti tal-lokal ta’ tama, kuraġġ u bidla li tant hi meħtieġa.

Matul din l-attività Alex Borg kien akkumpanjat mid-Deputati tad-Distrett kif ukoll mis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Charles Bonello li faħħar il-ħidma tat-tesserati kif ukoll tal-attivista fejn insista fuq is-sehem imprezzabbli tagħhom – u li ta’ kuljum it-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista ssibhom dejjem ta’ spalla.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg irringrazzja lil kull min se jkun qiegħed jagħti donazzjoni b’risq dan il-għan, kif ukoll dawk il-voluntiera u ħaddiema kollha li dejjem ikunu minn tal-ewwel sabiex jgħinu lill-Partit Nazzjonalista.