L-Istati Uniti, fl-aħħar sigħat, wettqet l-akbar assedju mill-ajru fuq iċ-ċentri u l-kumplessi amministrattivi tar-reġim Iranjan fil-belt ta’ Tehran, bis-Segretarju tad-Difiża Amerikan, Pete Hegseth, jikkonferma li dan kien ‘l-akbar volum ta’ attakki intensivi’ mindu l-qawwiet ta’ pajjiżu u ta’ Iżrael fetħu l-offensiva fuq l-Iran, ġimgħatejn ilu.
Pete Hegseth, waqt diskors fil-Pentagon, sostna li l-Istati Uniti, f’dawn il-jiem, laħqet kważi l-miri militari kollha, għalkemm ma provdiex dettalji li jissostanzjaw il-pożizzjoni ta’ Washington li qed tinsisti li ‘ir-reġim (Iranjan) jinsab għar-rkubbtejh’ wara l-aħħar ġranet ta’ konflitt.
Hegseth, sadanittant, saħaq li l-membri tat-Tmexxija tal-Iran mhumiex jissugraw joħorġu mill-moħbiet u li l-Istati Uniti għandha tkompli bl-offensiva sakemm teqred it-theddida tar-reġim għall-bażijiet tal-Amerikani fil-Golf u għall-Istati ġirien tar-reġjun…Pajjiżi li, kuljum, qed jintlaqtu bid-drones u l-missili sparati lejn arthom mill-Gwardja Repubblikana Iranjana.
L-Istati Uniti, filwaqt li mhix qed tindika data speċifika għat-tmiem tal-offensiva, trid twassal il-messaġġ li l-President Amerikan Donald Trump ‘għandu l-mazz tal-karti f’idejh’ – u fejn hu, dejjem skont Pete Hegseth, għandu jiddetermina r-ritmu u l-massimu taż-żmien għal dan il-konflitt…..Dan id-diskors, fil-fatt, kien trasmess fost xita ġdida ta’ missili mill-ajru fuq is-siti tal-Gwardja Repubblikana Iranjana f’Teheran u l-madwar.
L-Istati Uniti,fl-istess ħin, mhix lesta biex taċċetta l-għażla ta’ Mojtaba Khamenei bħala l-Mexxej Suprem ġdid tal-Iran wara missieru, l-eks-Ayatollah Ali Khamenei, li spiċċa maqtul waqt l-ewwel jum tal-gwerra.
Intant, Pete Hegseth, li jippreferi t-titlu ta’ Ministru tal-Gwerra aktar milli Ministru tad-Difiża, żvela li Mojtaba Khamenei spiċċa midrub u x’aktarx li sfigurat, fost il-baraxx mill-ajru tal-Amerikani.U anki f’dan il-każ, Hegseth naqas milli jipprovdi l-provi rrifjutabbli dwar il-kundizzjoni ta’ Khamenei, bil-Ministru jirrepeti biss li ‘il-Mexxej Iranjan ġdid ma jistax jitqies bħala leġittimu’.
Fl-istess diskors, Pete Hegseth tenna li l-qawwiet Amerikani qegħdin imexxu attakki ta’ preċiżjoni biex jeqirdu l-ħażniet tal-missili u armamenti oħrajn tar-reġim Iranjan….Azzjonijiet li qed isiru wkoll biex jeliminaw il-kapaċitajiet tar-reġim biex jibni aktar missili ballistiċi.


