Skont ir-ranking globali tal-universitajiet (Times Higher Education, 2026), il-prospettiva internazzjonali tal-Università niżlet minn 57.8 għal 56.2 (-1.6).
Dan ikkonfermah fil-Parlament Clifton Grima, il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni; għal mistoqsija parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Graziella Attard Previ.
Clifton Grima qal li hu infurmat li t-Times Higher Education (THE) World University Rankings 2026 ġie ppubblikat f’Ottubru 2025. Dan ir-ranking kien ibbażat fil-maġġor parti fuq figuri li l-Università ta’ Malta ssottomettiet dwar is-sena akkademika 2022/2023, kif rikjest.
Il-Ministru Grima qal ukol li fil-każ speċifiku tal-International Outlook, l-iskor tal-Università niżel minn 57.8 għal 56.2, nuqqas ta’ 1.6 punti. Dan l-indikatur għandu piż ta’ 7.5% fil-kuntest tar-ranking globali tat-THE, u fil-fatt ma impattax il-pjazzament globali tal-Università fir-rankings li għal dan l-aħħar ħames snin irnexxielha żżomm il-pożizzjoni minkejja ż-żieda sinifikanti ta’ istituzzjonijiet ġodda kull sena.
Ir-raġunijiet għat-tnaqqis fl-iskor tal-prospettiva internazzjonali huma primarjament:
1. In-numru u l-proporzjon tal-istaff internazzjonali tal-Università naqas minn 101.07 (12.34% tal-istaff totali) fit-THE 2025 għal 91.04 (11.09% tal-istaff totali) fit-THE 2026, tnaqqis ta’ 10%. It-tnaqqis fin-numru ta’ staff internazzjonali fl-Università huwa primarjament riflessjoni tal-prijorità strateġika li, sa fejn hu possibbli, tiġi attirata u żviluppata kapaċità akkademika lokali u nazzjonali.
2. Il-prestazzjoni relattiva ta’ universitajiet oħra: Ir-rankings tat-THE huma relattivi, jiġifieri l-iskor u l-klassifikazzjoni ta’ università jiddependu mill-prestazzjoni ta’ 2,191 università parteċipanti oħra. Jekk xi wħud minn dawn l-universitajiet itejbu l-prospettiva internazzjonali tagħhom. pereżempju jekk qegħdin iżidu iktar staff internazzjonali, studenti internazzjonali u sħab fir-riċerka internazzjonali, l-iskor tal-Università ta’ Malta jista’ jonqos kemxejn, anki jekk fir-realtà l-prestazzjoni tal-Università tkun baqgħet l-istess jew addirittura tjiebet.
Ta’ min jinnota li irrispettivament minn dan in-nuqqas ta’ 1.6 punti, il-prospettiva internazzjonali hija l-indikatur li fih l-Università hija kklassifikata fl-aħjar pożizzjoni meta kkumparata mal-indikaturi l-oħra. Fil-fatt, l-Università tinsab fis-716-il pożizzjoni globalment fil-prospettiva internazzjonali.
//= $special ?>

