Lokali

AĠĠORNATA: Il-ħallelin kienu tliet irġiel u mara – il-Pulizija għadhom qed ifittxuhom

Rapporti jindikaw li l-karozza li ntużat instabet abbandunata

Il-ħallelin li allegatament wettqu serqa ta’ madwar €200,000 f’ġojjelli u oġġetti oħra minn ħanut tad-deheb fil-Furjana għadhom ma nqabdux.

Is-serqa seħħet il-Ħamis għall-ħabta tal-5pm, minn ġojjellerija li tinsab fi Triq Sant’Anna – taħt il-loġoġ.

L-oġġetti ta’ valur li kienu esebiti jew merfuha ġew irrappurtati li nsterqu; b’ammont sostanzjali ta’ deheb li allegatament ittieħed mill-post.

Fil-post, malli seħħ il-każ, waslu mal-ewwel il-Pulizija li bdew bl-istħarriġ tagħhom – fejn qed jeżaminaw anke cameras tas-CCTV tal-istess ħanut tad-deheb u anke ta’ stabbilimenti u intrapriżi oħrajn li hemm fil-madwar.

Tard il-Ġimgħa waranofsinhar kien irrapportat fuq ix-Xandir tal-Istat li l-karozza li ntużat waqt is-serqa insabet abbandunata mill-investigaturi, b’sorsi qrib l-investigazzjoni jiżvelaw li l-ħallelin huma barranin; tliett irġiel u mara – bil-ħallelin jidħlu b’wiċċhom mikxuf u kif ukoll mhux armati.

Il-Pulizija qed tappella lil kull min jista’ jkollu xi informazzjoni dwar dan il-każ biex jikkuntattja lid-Depot, anke b’mod anonimu, sabiex jgħin fl-investigazzjoni li għadha għaddejja. Fortunatament, ħadd ma weġġa’ waqt din is-serqa. Għalkemm il-każ ġab miegħu xokk kbir għas-sidien tal-ġojjellerija.