Clayton Bugeja li jgħix il-Ħamrun li kien mixli b’theddid u li kkaġuna ħsara fi proprjeta wara żewġ argumenti mal-ġenituri tiegħu fi djar fir-Rabat u l-Mosta, ingħata l-ħelsien. Fil-Qorti r-raġel wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Il-każ beda fil-11 ta’ Marzu meta missier l-imputat ma jagħmel rapport fil-konfront ta’ ibnu meta mar fid-Domestic Violence Hub tal-Imtarfa .
Il-missier qal li ibnu għandu kollezzjoni ta’ mwies u meta mar jara l-affarijiet tiegħu nnota li kien hemm wieħed nieqes. Qal ukoll li inqala argument u l-imputat beda joffendi lil ommu meta staqsiha jekk ħaditux hi.
Ingħad fil-Qorti li matul l-argument, l-imputat kellu muws f’idejh u beda jhedded li jekk missieru ma jwaqqax ir-rapport kontrih u jekk ma jaħfirlux, hu kien se joqtolhom.
Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, filwaqt li l-prosekuzzjoni oġġezzjonat, u sostniet li l-imputat diġà kien taħt ordni ta’ trażżin li allegatament kiser.
Id-difiża ressqet bħala xhud lis-sieħba tal-imputat, li qalet kif Clayton Bugeja kien jattendi laqgħat tal-Caritas darba fil-ġimgħa u kien se jibda wkoll xogħol ġdid fis-settur tal-kostruzzjoni.
Il-Qorti wissiet lill-imputat li meta jkun hemm ordni tal-Qorti, din trid tiġi osservata.
Fl-aħħar nett, il-Qorti tat il-ħelsien mill-arrest Il-ħelsien mill-arrest ingħata fuq depożitu ta’ €300 u garanzija personali ta’ €5,700.
Huwa ngħata l-ħelsien fuq numru ta’ kundizzjoniijiet stretti fosthom li jrid ikompli jsegwi t-trattament skont l-ordni ta’ kura, ma jistax jersaq lejn iż-żoni tal-Mosta u tar-Rabat, għandu jsegwi ħin ta’ rkażar u jrid jiffirma fl-għassa tal-pulizija tliet darbiet fil-ġimgħa.
Apparti minn hekk l-imputat ġie ordnat jibda programm ta’ kura skont id-direzzjoni tal-uffiċjal tal-probation.Il-Qorti ordnat ukoll ordni ta’ protezzjoni favur iż-żewġ vittmi.
Il-prosekuzzjoni kienet mmexxija mill-ispettur Audrey Micallef filwaqt li l-akkużat kien qed jiġi rrappreżentat mill-avukat Nicholas Mifsud. L-avukat Matthew Xuereb deher bħala parte civile.
//= $special ?>

