L-Istati Uniti, issa, ikkonfermat li se tnaqqas mis-sanzjonijiet għall-pajjiżi li jixtru ż-żejt u l-petroleum mingħand ir-Russja. Dan bħala pass intiż biex irażżan iż-żieda rapida fil-prezzijiet internazzjonali taż-żejt minħabba l-konflitt tal-Iran.
Il-prezz taż-żejt, nhar il-Ħamis, tela’ għal $100-il barmil fost it-theddid tal-Iran għall-bastimenti kummerċjali li jinsabu weqfin fir-Rotta ta’ Hormuz — l-aktar zona ta’ baħar attiva għat-trasport taż-żejt mhux irraffinat lejn il-pajjiżi tad-dinja.
L-Istati Uniti, sadanittant, mhix lesta biex tibda l-iskorti navali għat-tankers, bl-osservaturi jsostnu li din il-miżura għandha tkun waħda perikoluża u kumplikata mingħajr l-ebda garanzija li tirnexxi.
Is-Segretarju tat-Teżor Amerikan, Scott Bessent,qal li l-pass għat-tnaqqis tas-sanzjonijiet se jibqa’ fis-seħħ għal xahar u li ‘il-Gvern tar-Russja mgħandux jiggwadanja b’mod sinifikanti miċ-ċirkustanzi’.
Madankollu, il-kelliema għall-Kremlin qalu, f’Moska, li s-sitwazzjoni attwali qed turi li ‘l-interessi tar-Russi u l-Amerikani, issa, laħqu binarju komuni’.
Min-naħa tagħha, l-Unjoni Ewropea ma taqbilx ma’ dan il-pass min-naħa tal-Amerikani, bil-Kanċillier tal-Ġermanja,Friedrich Merz, isostni li t-tnaqqis tas-sanzjonijiet għall-użu taż-żejt prodott mir-Russja jirrifletti politika żbaljata min-naħa ta’ Washington.
Merz spjega li, bħalissa, fis-settur taż-żejt, teżisti problema bil-prezzijiet u mhux bil-provvista tar-riżors u li l-Ġermanja se tkompli tipprovdi l-appoġġ kollu possibbli lill-Ukrajna li daħlet fir-raba’ sena gwerra mar-Russja.
//= $special ?>

