Għalkemm xejn għadu m’hu uffiċjali, l-indikazzjonijiet dejjem qed ikomplu juru li l-Iran taf tikkoferma b’mod uffiċjali li mhux se tipparteċipa fit-Tazza tad-Dinja tas-sajf li ġej, minħabba l-kunflitt kontinwu mal-Istati Uniti.
Minkejja li għad m’hemmx komunikazzjoni uffiċjali, il-Ministru tal-Isport Iranjan qal li l-pajjiż “ma jistax” jieħu sehem.
Intant, l-assistent coach tal-Iraq, Rene Meulensteen tkellem mal-media internazzjonali, u qal li sema’ xnigħat li l-FIFA tista’ tfittex direzzjoni oħra jekk tittieħed deċiżjoni finali mill-Iran li ma jipparteċipawx fl-edizzjoni li jmiss tat-Tazza tad-Dinja.
Meulensteen spjega li, bħala t-tim bl-ogħla klassifika fl-Asja, l-Iraq jista’ jieħu post l-Iran, iżda hemm ukoll spekulazzjonijiet li l-FIFA tista’ tagħżel lill-Italja, bħala l-ogħla tim fil-klassifika tar-rankings tal-FIFA, mill-pajjiżi li għaddew għall-istadju tal-play-offs, biex tissostitwixxi lill-Iran.
Meulensteen tenna li għall-FIFA jagħmel aktar sens li jkollha l-Italja, rebbieħa erba’ darbiet tat-Tazza tad-Dinja, fost il-pajjiżi finalisti, milli jerġa’ jkollha Tazza tad-Dinja oħra, mingħajr it-tim nazzjonali Taljan.
L-Azzurri għadhom biċ-ċans li jikkwalifikaw għat-Tazza tad-Dinja tas-sajf li ġej, permezz tal-play-offs, u jekk l-iskwadra ta’ Gennaro Gattuso jilħqu dan it-tragward ikunu qed jirritornaw jilgħabu f’din l-akbar kompetizzjoni dinija tal-futbol mill-2014.
//= $special ?>

