Internazzjonali

Mewġa oħra ta’ attakki fuq il-kapitali Iranjana; tkompli r-ritaljazzjoni ta’ Teheran

L-eskalazzjoni militari fil-Lvant Nofsani kompliet hekk kif attakki mill-ajru tal-Iżraeljani laqtu bini f’Bejrut, filwaqt li l-Iran kompla l-attakki tiegħu bi drones u missili lejn diversi pajjiżi tal-Golf.

F’Bejrut, attakki mill-ajru mill-forzi Iżraeljani laqtu bini fiċ-ċentru tal-belt, ftit wara twissija militari li kien se jiġi attakkat sit li, skont l-armata Iżraeljana, kien marbut mal-grupp Hezbollah.

Qabel l-attakk, saret twissija bi splużjoni żgħira. U ftit mumenti wara seħħew aktar splużjonijiet li heżżu it-twieqi ta’ bini fil-qrib.

Kelliem tal-armata Iżraeljana (IDF) qal li r-residenti fil-viċinanzi ta’ Bachura kellhom jevakwaw immedjatament. F’post fuq X, l-IDF ppublika mappa fejn turi li bini fil-qrib tal-Università Saint Joseph u qal li tinsab qrib faċilità affiljata mal-Hezbollah. Sar appell biex min jinsab fil-bini jevakwaw u jitbiegħdu minn tal-inqas 300 metru mill-bini immarkat u dawk ta’ madwaru.

Matul il-lejl, attakk bi drones laqat tankijiet tal-fjuwil fl-ajruport tal-Bahrain, li kkawża nirien kbar. L-awtoritajiet lokali qalu li n-nar issa ġie kkontrollat u r-reisidenti ntalbu jibqgħu fi djarhom bħala prekawzjoni.

Fl-istess waqt drone ieħor niżel qrib iċ-ċentru finanzjarju internazzjonali f’Dubai. Fortunatament ħadd ma weġġa’, pero’ dan qed juri l-impatt li l-gwerra qed tħalli fuq il-banek u n-negozji fir-reġjun. Citibank, iddeċidew li jagħlqu b’mod temporanju xi fergħat fil-Emirati Għarab Magħquda, fejn il-ħaddiema qed jaħdmu mid-dar.

Min-naħa l-oħra, fuq il-baħar, diversi bastimenti ġew attakkati fil-Golf. Tanker li hu propjetà Amerikana ntlaqat ftit ‘il barra mill-kosta tal-Iraq, minn dgħajsa li bdiet iġġorr splussivi. F’dan l-attakk inqatlet persuna waħda. Tanker ieħor ġie attakkati fit-triq lejn port Iraqi. Kien hemm ukoll vapur Ċiniż li ġie milqut viċin Hormuz. L-ekwipaġġ kollu ġie evakwat.

L-Iran kompla bl-attakki b’missili f’postijiet ġirien bħall-Bahrain, l-Oman, Dubaj u l-Qatar. Apparti minn hekk, fl-Iran, residenti f’Tehran qalu li l-gwerra qed tħalli piż fuq is-saħħa tagħhom.

Fuq kollox, il-Mexxej Suprem ġdid, Mojtaba Khamenei qal li se jkompli juża l-possibilità li jimblokka r-rotta ta’ Hormuz u li se jpatti għal dawk li nqatlu fl-attakki tal-Istati Uniti u Iżrael.

Fl-istess ħin il-prezz globali taż-żejt tela’ qrib $100 kull barmil – rifless tal-biża’ li l-kunflitt jista’ jfixkel il-provvista tal-enerġija internazzjonali.