Opinjoni

Opinjoni: JUM IL-MARA — L-ugwaljanza fl-era diġitali

Wasal Jum il-Mara ieħor u l-ħidma tagħna ma tiqafx

Graziella Attard Previ
Shadow Minister
għall-Ugwaljanza,
il-Libertajiet Ċivili
u x-Xandir Pubbliku

Ġurnata importanti fil-kalendarju tagħna għaliex nagħmlu kemm nagħmlu favur il-mara, jew aħjar favur l-ugwaljanza qatt ma hu biżżejjed.
L-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-era diġitali huwa suġġett li hu relevanti aktar minn qatt qabel, b’mod partikolari meta qegħdin ngħixu f’soċjetà fejn it-teknoloġija saret parti integrali minn kull aspett ta’ ħajjitna — mill-mod kif nitgħallmu, naħdmu, nikkomunikaw u saħansitra kif nieħdu deċiżjonijiet. Imma filwaqt li l-era diġitali fetħet bibien ġodda ta’ opportunitajiet, irridu nistaqsu mistoqsija fundamentali: kemm dawn l-opportunitajiet huma verament aċċessibbli bl-istess mod għan-nisa u għall-irġiel? Għa-lkemm qegħdin infakkru speċifikament Jum il-Mara, tajjeb nistaqsu wkoll kemm dawn l-opportunitajiet huma tassew miftuħa għal kulħadd u jekk hemmx persuni fix-xfar tas-soċjetà, bħal persuni bi bżonnijiet differenti jew immigranti li fil-fatt mhumiex jingħataw biżżejjed ċans.
L-ewwel sfida hija dik li tissejjaħ id-“digital divide” — id-differenza fl-aċċess għat-teknoloġija u l-internet. F’ħafna pajjiżi, in-nisa għandhom inqas aċċess għal apparat teknoloġiku, għal internet ta’ kwalità u għal taħriġ diġitali.
Meta tifla ma jkollhiex l-istess opportunitajiet biex titgħallem il-kodifikazzjoni jew l-użu avvanzat tal-kompjuter bħalma għandu tifel, qed noħolqu differenza li tikber maż-żmien. Din id-differenza ma tiqafx fl-iskola — tkompli fis-suq tax-xogħol. F’Malta ħafna nisa llum ikomplu l-iskola b’rata għolja ta’ suċċess, imma dejjem jibqa’ dawk in-nisa li ħajjithom totalment tiddependi fuq ir-raġel jew is-sieħeb tagħhom.
Għalhekk, jeħtieġ li ninvestu iktar fl-edukazzjoni diġitali għal kulħadd, b’enfasi partikolari fuq it-tfajliet u n-nisa. Programmi ta’ mentoring, korsijiet speċjalizzati u inizjattivi fil-qasam STEM jistgħu jagħmlu differenza kbira.
Sfida oħra hija r-rappreżentanza baxxa tan-nisa f’karrieri relatati mat-teknoloġija u l-inġinerija. Għalkemm naraw aktar nisa jidħlu f’dan il-qasam, xorta għad hemm disparità sinifikanti.
Din mhijiex biss kwistjoni ta’ numri. Meta n-nisa ma jkunux rappreżentati biżżejjed f’dan il-qasam, il-prodotti u s-servizzi jistgħu ma jirriflettux il-ħtiġijiet u l-esperjenzi tagħhom. It-teknoloġija għandha tkun maħluqa minn kulħadd u għal kulħadd. Hawnhekk għandna bżonn nindirizzaw l-istereotipi soċjali li jgħidu li ċerti xogħlijiet huma “aktar adattati” għall-irġiel. Irridu ninkoraġġixxu lit-tfajliet jemmnu fil-kapaċitajiet tagħhom u naraw aktar mudelli femminili ta’ suċċess f’dan il-qasam. Skont statistika riċenti għall-2024 dwar Malta, in-nisa jammontaw biss għal madwar 14 % tal-ispeċjalisti fl-ICT fil-pajjiż — evidenza ċara li għad hawn differenzi sinifikanti fl-ugwaljanza diġitali (European Commission – Digital Decade Country Report).
Anke meta n-nisa jidħlu fl-industriji diġitali, spiss jiltaqgħu ma’ differenza fil-pagi u opportunitajiet ta’ promozzjoni. Il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata wkoll jibqa’ sfida, speċjalment meta r-responsabbiltajiet familjari ma jkunux imqassma b’mod ugwali.
Il-kumpaniji għandhom jadottaw politika ta’ trasparenza fil-pagi, jippromwovu kultura ta’ inklużjoni u joffru appoġġ reali għal ġenituri li jaħdmu.
Aspett ieħor li bla dubju ma nistgħux ninjoraw huwa l-fastidju online. In-nisa huma aktar probabbli li jesperjenzaw abbuż, theddid u kummenti offensivi fuq il-midja soċjali u pjattaformi diġitali. Dan mhux biss joħloq ambjent tossiku, iżda jista’ jwassal biex in-nisa jiċċensuraw lilhom infushom jew saħansitra jitilqu mill-ispazju diġitali kompletament. Meta vuċijiet femminili jisparixxu mill-ispazju online, nitilfu perspettivi importanti. Jeħtieġ li jkun hemm liġijiet aktar effettivi, sistemi ta’ rappurtar aħjar u kultura ta’ rispett. L-edukazzjoni dwar iċ-ċittadinanza diġitali għandha tibda minn età żgħira.
Forsi hawn min jistaqsi: għaliex dan kollu huwa daqshekk importanti?
L-ugwaljanza mhijiex biss kwistjoni ta’ ġustizzja soċjali. Hija wkoll kwistjoni ta’ żvilupp ekonomiku u innovazzjoni. Meta noħolqu ambjent fejn kulħadd jista’ jipparteċipa bis-sħiħ, inkunu qed nimmassimizzaw il-potenzjal tas-soċjetà tagħna.
Nafu li l-era diġitali toffrilna għodod qawwija. Imma dawn l-għodod jistgħu jew isaħħu l-ugwaljanza jew isaħħu d-differenzi eżistenti — kollox jiddependi minn kif nużawhom.
L-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-ispazju diġitali mhijiex xi ħolma idealista. Hija mira realistika li teħtieġ impenn mill-gvernijiet, mill-edukaturi, mill-kumpaniji u minn kull wieħed u waħda minna.
Il-Partit Nazzjonalista kommess li noħolqu futur diġitali li jkun verament inklussiv — futur fejn kull tifla u kull tifel ikollhom l-istess ċans li joħolqu, jinnovaw u jmexxu ’l quddiem id-dinja tagħna.
Nieħu l-opportunità li nawgura ġurnata mill-isbaħ lin-nisa Maltin u Għawdxin kollha!

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 8 ta’ Marzu, 2026.