Opinjoni

Opinjoni: Ekonomija mibnija fuq l-immigrazzjoni u pagi baxxi

Minn żmien għal żmien il-eurostat tippubblika ċifri li juru l-qagħda reali ta’ pajjiżna

Joe M Zahra
Eks Editur

Fis-27 ta’ Frar ħarġu ċifri li juru li pajjiżna kellu l-ogħla rata ta’ immigranti minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u minn pajjiżi barra l-UE. Fl-2024 Malta kellha 60 immigrant minn kull 1,000 residenti. Warajna, bi 42 immigrant jiġi Ċipru. Fl-istess waqt pajjiżna għandu fost l-inqas paga minima fost il-pajjiżi tal-Unoni Ewropea u flok jitla’ ‘l fuq fil-postijiet qed jaqta’ lura.
Ċifri oħrajn, din id-darba ppubblikati mill-Ministru tal-Finanzi juru li f’pajjiżna hawn 71,000 ħaddiem li jaqilgħu sa’ €12,000 li minnhom 28,000 huma ħaddiema minn barra l-UE u 71,000 ħaddiema oħra li jaqbdu sa’ €20,000 fis-sena li minnhom 33,000 ġejjin minn pajjiżi barra l-Unjoni Ewropea.
Meta tara ċifri bħal dawk tal-immigrazzjoni, tal-paga minima u tal-eluf li hemm f’pagi verament baxxi tifhem x’kienet minn dejjem il-politika ta’ dan il-Gvern.
Politika li tgħabbi lill-pajjiż b’għexiren ta’ eluf ta’ ħaddiema li għandhom pagi tal-ġuħ. Politika li tħares sal-punta ta’ mnieħer min jagħmilha għaliex ma jħarisx lejn ir-riperkussjonijiet fuq l-infrastruttura tal-pajjiż, fuq l-ambjent li qed jiġi dejjem meqrud, fuq il-prezz tal-poprjeta’ u l-kirjiet, fuq it-traffiku, fuq l-għoli tal-ħajja.

Ġid li mhux jinqasam sewwa
Il-Gvern Laburista jinteressah biss li jara l-Prodott Domestiku Gross, jew il-ġid nazzjonali, jiżdied. Iżda xejn ma jinteressah jekk il-ġid li qed jinħoloq hux qed jilħaq lil kulħadd, speċjalment lil dawk fuq paga minima jew fuq paga baxxa u lill-pensjonanti.
Il-Prodott Domesitku Gross ma jitkejjilx kif qed jgħixu n-nies. Għandu jkejjel kemm il-poplu jkun sejjer tajjeb. Mhux 10 fil-mija li geddumhom fix-xgħir iżda l-bqija li jridu jitħabtu biex jgħixu. B’eluf ta’ familji fejn ir-raġel u l-mara jridu joħorġu jaħdmu t-tnejn biex ilaħħqu mal-ħajja. Biex ilaħħqu mal-ammonti li jridu jħallsu kull xahar għall-appartament li jkunu xtraw. Jew għall-kera għolja.

llum jridu jħallsu
Ċifri li joħorġu minn żmien għal żmien minn sorsi uffiċċjali jindikaw li:
Malta tinsab fit-tieni post tal-inqas nefqa fl-Unjoni Ewropea fejn jidħlu benefiċċji għll-protezzjoni tas-Sigurta’ Soċjali bħala persentaġġ tal-Prodott Domestiku Gross (PDG). In-nefqa ta’ Malta kienet ta’ 13.4% . In-nefqa medja fl-2024 fl-UE kienet 27.3%. Li jfisser li aħna anqas kellna nofs in-nefqa tal-medja tal-UE. Dan minkejja li din in-nefqa tinkludi faċilitajiet bħal Appoġġ, Sedqa, Jobplus, sussidji fuq utilitajiet, benefiċċji għall-enerġija, sussidju għall-pensjonanti fuq il-vapur t’Għawdex, skemi ta’rtirar volontarju u ħafna iżjed.
Malta hi fost il-pajjiżi fejn l-inqas li żdiedu l-pagi fl-Unjoni Ewropea.
F’Malta għandna 108,000 fil-faqar fir-riskju tal-faqar. Minn dawn 30,000 minnhom huma anzjani ta’ iktar min 65 sena.
Minn ċifri l-iktar riċenti għall-2023 jirriżulta li n-nefqa għas-saħħa f’Malta pajjiżna jinsab it-tielet mill-aħħar meta din in-nefqa titkejjel mal-PDG.
Agħar minnha kien hemm biss l-Ungerija u r-Rumanija. Pajjiżna jonfoq fuq is-saħħa 5.1% tal-PDG. Franza u r-Repubblika Ċeka jonfqu 8.9% bil-medja fl-UE hi ta’ 7.3% u fiż-żona ewro hi ta’ 7.4%. Min-nefqa tas-saħħa 0.8% marru fuq prodotti mediċi, apparat u tagħmir; 0.9% marru fuq servizzi għall-outpatients; 2.8% fuq servizzi tal-isptarijiet; 0.3% fuq servizzi tas-saħħa pubblika; 0.1% fuq riċerka u żvilupp fil-qasam tas-saħħa u 0.3% infiq relatat għas-saħħa li mhux klassifikat.
Stħarriġ ippubblikat mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika juri eluf ta’ familji li jiddependu fuq il-benefiċċhji soċjali li qed jaqgħu lura. L-istħarriġ jirrapporta li l-istudju sab li pereżempju familja ta’ erba’ persuni – żewġ adulti u żewġt itfal – tirċievi biss €14,717 meta l-budget minimu essenzjali biex tkun tista’ tgħix ħajja diċenti hu stmat li għandu jkun ta’ €19,355 għas-sena 2025, diskrepanza ta’ €4,638 inqas milli familja jkollha bżonn biex tlaħħaq. Anke hawn jirriżulta li flok lil quddiem morna lura, għaliex dejjem skont dan ir-rapport, minkejja li l-benefiċċji żdiedu bi 18% mill-2023 lil hawn, l-għoli tal-ħajja, fl-istess perijodu, żdied b’27%.
Hekk l-iżbilanċ finanzjarju għal familja bħal din kiber minn €2,700 għal €4,600. Lista li ma tispiċċa qatt. Li turi li mhux kulma jleqq hu deheb għal parti kbira tal-familji Maltin.

Riperkussjonijiet fuq is-saħħa
Dan kollu qed ikollu wkoll riperkussjonijiet fuq is-settur tas-saħħa li biż-żieda fil-popolazzjoni mingħajr żieda fl-infrastruttura tas-saħħa mhux ilaħħaq mad-domanda. Fi tlettax-il sena l-Gvern Laburista mhux talli ma bena ebda sptar ġdid iżda kien wasal li għadda tliet sptarijiet milli kellna lill-barranin. Li biex il-poplu Malti kisibhom lura kellha ssir kawża minn Adrian Delia meta kien Kap tal-Partit Nazzjonalista. Ġew lura f’idejn il-poplu Malti iżda xorta rruffajna iktar minn €400 miljun!
Il-Gvern jgħidilna biss dak li jaqbillu. Jiftaħar kemm qed jikber il-Prodott Domestiku Gross. Kemm qed jiżdiedu l-ħaddiema. Dan mhux il-kejl li għandu jkollna jekk verament irridu nkunu nafu jekk il-Maltin u l-Għawdxin humiex jgħixu aħjar jew agħar. Il-kejl irid ikun inqas kwantitá u iktar kwalitá. Proġetti ta’ valur miżjud ogħla fejn min jaħdem jitħallas tajjeb u jkollu bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħin liberu. Iktar ħin mal-familja. Iktar ħin liberu.
Dan għandu jkun il-kejl. Il-Prodott Domestiku Gross hu l-kejl tal-ġid nazzjonali.Iżda l-ġid nazzjomali mhux biss flus iżda livell tal-ħajja aħar li żgur ma jkollniex jekk inkomplu ningħalqu fi djarna mingħajr ma nitħallew ebda spazju ta’ mistrieħ.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 8 ta’ Marzu, 2026.