Joe M. Zahra
Il-Gvern Laburista jidher li ma tantx għandu għaġla biex ineħħi dan it-tanker minn nofs il-bajja ta’ Marsaxlokk! U raġuni jidher li hemm kif nispjega aktar ’l isfel.
Minfejn ġie dan it-tanker
L-MV Armada Mediterrana kien użat fil-Ġappun bħala trasportatur tal-gass naturali likwidu. Kien konvertit f’faċilità permanenti għall-ħażna tal-gass f’Singapor wara l-iffirmar ta’ ftehim għal 18-il sena bejn Bumi Armada, is-sidien u l-Electrogas li huma l-propjetarji tal-‘power station’ tal-gass f’Delimara.
F’Lulju 2016, il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Ministru Mingħajr Portafoll Konrad Mizzi marru Singapor biex jattendu ċ-ċerimonja li biha l-vapur intbagħat lejn Malta.
Dan it-tanker kellu dak iż-żmien iktar minn 25 sena. Illum għandu ferm iktar! Mhux normali li bastimenti ta’ iktar minn 25 sena jtajru l-bandiera Maltija, iżda minkejja dan kollu Transport Malta xorta rreġistrat dan it-tanker, taħt il-pretest li l-awtorità tirreġistra bastimenti ta’ iktar minn 25 sena li joperaw biss fl-ibħra terittorjali ta’ Malta jew minn Malta.
Dak iż-żmien Transport Malta tenniet li spezzjonjat dan it-tanker b’rigorożità akbar qabel ma rreġistratu u ċċertifikatu.
It-tanker tal-gass fil-port ta’ Marsaxlokk huwa kbir daqs tliet grawnds tal-futbol u jaħżen daqs 3,500,000 ċilindru tal-gass tad-djar. Proġett li qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2013 la Joseph Muscat u lanqas Konrad Mizzi ma kienu qalu xejn dwaru. Kienu tkellmu biss dwar ‘power station’ ġdida li taħdem bil-gass li suppost kellha titlesta sa’ Marzu 2015 iżda fil-fatt tlestiet ferm wara.
Niftakar ukoll li Joseph Muscat kien rabat il-futur politiku tiegħu fis-sens li jekk ma titlestiex sa dik id-data jirriżenja mill-kariga ta’ Prim Ministru. Fil-fatt irriżenja, iżda mhux għal dik ir-raġuni iżda għal raġunijiet ferm aktar gravi li għalihom qed iwieġeb quddiem il-qrati.
It-tanker bil-gass jidher li tqiegħed fil-bokka tal-port ta’ Marsaxlokk għal 18-il sena u xahrejn. Il-Prim Ministru Joseph Muscat dejjem tkellem li dan it-tanker se jkun hemm temporanjament sakemm jinbena ‘pipeline’ li jwassal il-gass minn Sqallija. Ma jidhirlux il-Prim Ministru li ħadd mhu se jagħmel l-investiment li għamlu s-sidien ta’ dan it-tanker jekk ma jkollux garanzija li se jibqa’ hemm tul iż-żmien kollu tal-kuntratt, jew li jkun rikompensat għaż-żmien li jitnaqqaslu mill-kuntratt! Fi kwalunkwe każ ma jaħsibx li l-poplu ta’ Marsaxlokk u Birżebbuġa ġie mgħoddi biż-żmien waħda sew!
Dak iż-żmien li daħal fil-port ta’ Marsaxlokk dan it-tanker, kienu qed jittieħdu kampjuni tal-blat u testijiet ġeoloġiċi biex tinstab l-aħjar rotta għall-‘pipeline’ tal-gass bejn Malta u l-Italja. Proċess li kien jagħmel parti minn studju dettaljat ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropea, fuq ir-rotta f’qiegħ il-baħar, disinn bażiku u d-dokumtazzjoni neċessarja.
Il-proġett tal-pipeline
Il-proġett ta’ ‘pipeline’ tal-gass bejn Malta u l-Italja kien maħsub minn Gvern Nazzjonalista ferm qabel ma ħareġ bih il-Gvern Laburista. Tant li kien sar studju mill-ENEL, kumpanija Taljana, dwar kemm huwa vijabbli li jsir ‘pipeline’ bħal dan bejn Malta u Sqallija.
Jirriżulta minn dak l-istudju li biex dan il-proġett isir bi spiża ta’ għexieren ta’ miljuni ta’ ewro, illum ferm iktar, biex ikun vijabbli Malta riedet tintrabat li tixtri ammont speċifiku ta’ gass. Din jidher li kienet ir-raġuni ewlenija għaliex dan il-proġett ma kienx twettaq. Ebda gvern f’sensieh u responsabbli ma jintrabat li jixtri dak li ma jużax, għax jekk jagħmel hekk ikun sempliċement jgħolli l-prezz hu.
Nafu wkoll li fil-bidu tal-2016, l-Unjoni Ewropea qablet li ‘pipeline’ tal-gass bejn Malta u Sqallija huwa proġett prijoritarji u jikkwalifika għal fondi Ewropej. Iżda proġett bħal dan mhux important biss li twettqu iżda kemm dan jintuża. U jekk ikunx hemm xi rabta bejn it-twettiq tal-proġett u rabta dwar kemm tixtri gass.
Ossevazzjonijiet
Skont l-EU Seveso Directive, tanker tal-gass naturali likwidu bħal dan m’għandu qatt jidħol f’port. Dan jista’ jiħaddem biss billi t-tanker jintrabat żewġ kilometri ’l barra mix-xatt u jwassal il-gass permezz ta’ ‘pipeline’. Fil-każ ta’ Malta ngħatajna xi eċċezzjoni għar-regola?
Din il-parti tal-kosta ta’ Malta hija magħrufa għall-maltempati kbar li jagħmlu. Jekk niftakru fil-maltempata kbira li kienet seħħet waqt is-summit storiku bejn Bush u Gorbachev, u fil-maltempata aktar kbira ta’ dan l-aħħar, ikollna stampa ta’ x’nistgħu nistennew. Kollu sogru żejjed.
Matul l-aħħar tempesta, l-poplu ta’ Marsaxlokk u Birżebbuġa kienu inkwetati minn dan it-tanker, għax ħadd ma jaf f’tempesta bħal dik x’jista’ jiġri. Għalkemm huwa magħruf li t-tanker għal tul it-tempesta ma pprovdiex gass għall-‘power station’ xorta nemmen li kien fil-periklu.
Dan il-Gvern għamel ħafna wegħdi, anki konna mwegħda ‘breakwater’ fid-daħla tal-port ta’ Marsaxlokk. Kieku l-wegħda nbidlet fi proġett, kieku t-tanker kien ikun aktar fis-sikur. U kieku l-bajja ta’ San Ġorġ f’Birżebbuġa ma kinetx tgħaddi mill-ħerba li għaddiet fl-aħħar tempesta. Kieku l-affarijiet saru sew u tqiegħed il-‘pipeline’ tal-gass, kieku t-tanker m’għadux fil-port.
Il-Malti jgħid ‘kieku waqa’ u kiser siequ’. Għal dan il-Gvern aktar importanti li jonfoq bl-addoċċ u jaħli l-miljuni, milli jwettaq proġetti mill-aktar importanti għall-pajjiż. Dan huwa Gvern tal-wegħdi biss, u mbagħad ma jsir xejn.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ġimgħa 13 ta’ Marzu, 2026.
//= $special ?>

