Lokali

Qaleb għall-aħjar it-tifel li ġie aggredit minn missieru fil-White Rocks

Ritratt: Martin Agius

Huma pożittivi l-aħbarijiet li ħerġin mill-Isptar Mater Dei, hekk kif jidher li t-tifel li nhar is-Sibt li għadda ġie aggredit filmkien ma’ oħtu fiz-zona tal-White Rocks, issa qed jaqleb għall-aħjar.

Sorsi li tkellmu ma’ Net News qalulna li l-kundizzjoni ta’ dan it-tifel ta’ 12-il sena tinsab xi ftit aħjar, tant li nħareġ mill-ITU.

Hu qed jinżamm taħt osservazzjoni kontinwa mit-tobba u l-infermieri minħabba l-ġrieħi serjissimi li sofra, speċjalment f’rasu.

Mat-tifel kien hemm ukoll oħtu, li għandha 10 snin – u li fil-fatt kienet hi li rrappurtat l-aggressjoni.

Missierhom, Sqalli ta’ 49 sena, ġie arrestat it-Tlieta wara tfittxijiet mill-Pulizija, li kienu ilhom għaddejjin erbat ijiem. U skont dak li qalet it-tifla, missierha ta diversi daqqiet bil-ġebel fuq ras it-tifel. 

Hu sofra ksur fl-iskutella ta’ rasu, waqt li t-tifla kellha marki m’għonqha li jindikaw li xi ħadd ipprova jifgaha.

Jirriżulta li wara li seħħet l-aggressjoni, l-Isqalli għamel diversi telefonati lil Taljan ieħor, li kien qed joqgħod miegħu, fejn qallu li kien għadu kemm għamel “ġennata kbira”. Hu għamel ukoll video call ma’ martu fejn qalilha li t-tifel “qiegħed fis-sema”.

Il-Ħamis, meta tressaq, il-Qorti semgħet kif ir-raġel instab li kellu diversi kustilji miksurin u tbenġil estensiv.

Ingħad li hu prova jneħħu ħajtu b’idejh darbtejn, iżda bla suċċess – l-ewwel meta qabeż minn fuq il-blat u spiċċa fil-baħar u mbagħad prova juża ħabel. 

Il-Prosekuzzjoni qalet li, matul l-investigazzjonijiet, instab ukoll ktieb b’noti tal-Isqalli fejn irrefera għas-separazzjoni mal-mara – li hi omm it-tfal. U anke esprima d-dispjaċir tiegħu għal dak li kien wettaq.  

Intant, id-difiża ma talbitx għall-ħelsien mill-arrest. U l-Qorti ordnat biex l-Isqalli jinżamm fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin sakemm il-każ ikompli fil-jiem li ġejjin.