Lokali

Relazzjoni bilaterali pożittiva bejn il-Partit Nazzjonalista u ċ-Ċina

Tissokta ir-relazzjoni pożittiva bejn il-Partit Nazzjonalista u ċ-Ċina hekk kif tul il-jum tal-Ħamis il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione, is-Segretarju Ġenerali tal-PN Charles Bonello, u s-Segretarju Internazzjonali tal-Partit Nazzjonalista Beppe Galea kellhom laqgħa kordjali mal-Ambaxxatur taċ-Ċina f’Malta, Zhang Zuo fl-Ambaxxata Ċiniża f’San Ġiljan.

Matul din il-laqgħa, l-ambaxxatur Zhang Zuo insista dwar l-importanza tar-relazzjonijiet bilaterali li preżentament jeżistu u li għad iridu jitkattru. Filwaqt li saħaq li d-disukussjoni u l-qsim tal-ideat dwar governanza u mhux biss għandhom jibqgħu jissaħħu.

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione stqarr li biex tifhem ir-relazzjoni bejn iċ-Ċina u Malta ma tridx tħares lejn id-differenzi fil-governanza iżda l-valuri u l-moralità li jgħaqqduna – żewġ pajjiżi li dejjem sejsu r-relazzjoni pożittiva tagħhom fuq ir-rispett u l-kordjalità.

Minn naħa tiegħu, is-Segretarju Internazzjonali Beppe Galea sostna li din il-laqgħa serviet sabiex tkompli ssaħħaħ ir-relazzjoni mal-Partit Nazzjonalista li jservi bħala pont bejn iċ-Ċina u Malta.

Huwa faħħar mhux biss ir-relazzjoni politika, iżda anke dik edukattiva. U grazzi għal diversi skambji li jsiru, numru ta’ studenti Maltin jkattru l-edukazzjoni u l-kultura tagħhom filwaqt li joħolqu ħbiberiji ġodda.

Aktar tard it-tmexxija tal-PN kif ukoll delegrazzjoni mill-istess partit ipparteċipaw f’diskussjoni, filwaqt li kien hemm ukoll spettaklu mtella’ miċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċina f’Malta.