Suċċess għal Sliema fl-istadju tal-aħħar tmienja taċ-Challenger Cup tal-Water Polo li bħalissa qed tintlagħab f’Istanbul, it-Turkija. Wara li l-bieraħ, it-tim taħt it-tmexxija tal-kowċ Grieg, Giannis Katrouzanakis għeleb lil San Ġiljan 16-15, is-Slimiżi llum komplew juru konsistenza fil-logħob u r-riżultati tagħhom meta għelbu lit-tim Tork ta’ Heybeliada SC bl-iskor kbir ta’ 25-11.
B’dan ir-riżultat, f’partita li ntlagħbet qabel il-konfont l-ieħor mill-istess grupp bejn San Ġiljan u Galatasaray, Sliema kienu kważi ċerti minn post għal mal-aħħar erbgħa ta’ din il-kompetizzjoni Ewropea organizzata mill-LEN.
F’Istanbul, illum it-tieni tim Malti f’dan il-grupp, San Ġiljan, kien imisshom jilgħabu kontra avversarji oħra Torok, Galatasaray u ċ-champions Maltin reġgħu kienu sfortunati li wara li taw qalbhom tul il-konfront kollu, ħarġu telliefa bl-istess skor li biħ tilfu l-bieraħ kontra Sliema, dak ta’ 16-15.
Dan ir-riżultat fisser li San Ġiljan sfaw eliminati minn post fis-semi-finali taċ-Challenger Cup, b’Sliema u Galatasaray jikkwalifikaw għall-istadju li jmiss ta’ din il-kompetizzjoni prestiġjuża.
B’Sliema fis-semi-finali u b’San Ġiljan ikunu eliminati minn din il-kompetizzjoni, iżda b’rashom ‘il fuq, il-prestazzjonijiet taż-żewġ klabbs Maltin f’Istanbul komplew jgħollu r-reputazzjoni tal-Water Polo Malti fix-xena internazzjonali.
Aktar tard illejla, jiġi fit-tmiemu l-impenji minn Grupp G tal-Kwarti tal-Finali taċ-Challenger Cup meta se jerġgħu jkunu fl-azzjoni ż-żewġ klabbs Maltin.
Fit-8:15pm, Sliema jilgħabu kontra Galatasaray, f’partita li se tiddeċidi minn se jirbaħ Grupp B, filwaqt li fl-10pm, San Ġiljan jilgħabu kontra Heybeliada SC.
Minn għada, f’Istanbul, tibda l-aħħar fażi ta’ din il-kompetizzjoni fejn Sliema jimmiraw għar-rebħ taċ-Challenger Cup filwaqt li San Ġiljan iħarsu lejn l-aqwa klassifikazzjoni, bl-aħjar post li jistgħu jiksbu minn issa ‘I quddiem hu l-ħames post.
//= $special ?>

