Sport Waterpolo

Sliema jitilfu kontra Galatasaray u fis-semi-finali se jilgħabu kontra avversarji mill-Litwanja

Julian Chircop ta' Sliema fl-azzjoni fil-konfront kontra Heybeliada ASC.
Julian Chircop ta' Sliema fl-azzjoni fil-konfront kontra Heybeliada ASC.

Sliema se jkunu qed jilgħabu fis-semi-finali tal-European Aquatics Challenger Cup tal-Water Polo kontra EVK Zaibas, rebbieħa ta’ Grupp A fil-fażi Top 8 ta’ din il-kompetizzjoni tal-LEN.

EVK Zaibas huma mill-Litwanja, u f’Istanbul rebħu t-tliet partiti li lagħbu biex temmew il-grupp rispettiv tagħhom b’punti massimi. Sliema, wara li rebħu l-ewwel żewġ partiti f’Grupp B, ikkrollaw fit-tielet logħba, u kontra Galatasaray huma ġarbu telfa kbira ta’ 23-5.

It-tim Malti wera li kien kapaċi jilgħab fuq l-istess livell tat-Torok fl-ewwel sessjoni, li ntemmet 4-3 favur l-avversarji ta’ Sliema, iżda l-attakk tagħhom naqas fit-tieni perjodu hekk kif id-difiża tal-avversarji bdiet tiddomina.

Bit-tieni sessjoni tintemm 6-0 favur Galatasaray, effettivament temmet il-partita sal-mistrieħ, u Sliema ma setgħux jibdlu l-momentum wara dan. Tilfu t-tieni nofs tal-partita 13-2, b’difiża ta’ Galatasaray li reġgħet kienet eċċellenti, speċjalment fir-raba’ sessjoni meta t-Torok rebħu 7-0.

Stefan Gak kien il-protagonist ewlieni għat-Torok, b’sitt gowls, filwaqt li l-kowċ tagħhom Pedraig Mihailovic żgur kien kuntent li ra 12-il plejer differenti jiskurjaw.

Kien tmiem diżappuntanti tal-fażi tal-gruppi għall-Maltin, iżda bil-kwalifikazzjoni diġà assigurata, huma żgur se jkunu sfida differenti fis-semi-finali kontra l-avversarji mill-Litwanja.

Galatasaray, min-naħa l-oħra, dehru f’forma tajba tul il-logħba u se jfittxu li jżommu dik il-konsistenza kontra r-rivali domestiċi tagħhom Enka għada, is-Sibt filgħaxija.

L-ewwel rebħa għal San Ġiljan u għada s-Sibt se jilgħabu għar-rebħ tal-ħames post

Intant, San Ġiljan wara li tilfu l-ewwel żewġ partiti konra Sliema u Galatasaray bl-iskor identiku ta’ 16-15, fit-tielet u l-aħħar logħba tal-grupp affrontaw lil Heybeliada ASC, tim ieħor Tork li għamilha sa din il-fażi taċ-Challenger Cup.

Din kienet logħba, b’battalja biex jiġi evitati l-aħħar post fil-grupp u intrebħet minn San Ġiljan bl-iskor finali ta’ 22-16..

San Ġiljan kellhom bidu qawwi fil-partita u dan kien deċiżiv biex jiksbu r-rebħa meta rebħu l-ewwel sessjoni 8-3.

Heybeliada bdew jirritornaw fit-tieni perjodu u naqqsu d-distakk għal tnejn, u fil-bidu tat-tielet sessjoni waslu sa differenza ta’ gowl wieħed, bl-iskor ikun dak ta’ 11-10 favur il-Ġiljaniżi, meta Nadir Sonmez u Yagiz Gedik skorjaw biex poġġew lill-Maltin taħt pressjoni.

Kien dan il-mument li qajjem lil San Ġiljan, li wieġbu b’erba’ gowls mingħajr risposta fi tliet minuti biex jerġgħu jiksbu l-kontroll tal-logħba, bl-iskor parzjali jkun dak ta’ 15-10. Minn dak il-ħin ‘il quddiem, iċ-champions Maltin qatt ma ħallew lill-avversarji jerġgħu jersqu viċin.

Wara li skorja seba’ gowls f’kull waħda mit-telfiet preċedenti, Marko Vavic ta’ San Ġiljan temm din id-darba b’ħames gowls u, aktar importanti, l-ewwel rebħa f’Istanbul.

Madankollu, l-isforzi tiegħu ġew megħluba minn dawk ta’ Ben Plumpton, li spiċċa bħala l-aqwa skorer ta’ San Ġiljan b’sitt gowls.

Għada s-Sibt, San Ġiljan se jkunu qed jilgħabu l-partita għall-ħames u s-sitt post, meta se jkunu qed jaffrontaw liċ-champions tas-Slovenja, AVK Branik Maribor.