Lokali

Sodisfatt bix-xogħol li wettaqna, imma m’aħniex se nieqfu hawn

Charles Bonello fil-mument li tħabbar ir-riżultat tal-elezzjoni tiegħu għal Segretarju Ġenerali tal-PN fil-preżenza tas-Segretarju Ġenerali preċedenti Michael Piccinino u l-Kap tal-PN ta’ dakinhar Bernard Grech
– Charles Bonello, f’għeluq l-ewwel sena tiegħu bħala Segretarju Ġenerali tal-PN

Joe Cassar
Sodisfatt ferm bix-xogħol li flimkien irnexxielna nwettqu f’din l-aħħar sena minn kemm ili fil-kariga ta’ Segretarju Ġenerali. Imma dan ma jfissirx li beħsiebna nnaqqsu mir-ritmu li għad-dejjin bih. Anzi, se nkomplu nżidu l-ħidma tagħna biex inkunu preparati għalkollox għal meta l-Prim Ministru jħabbar id-data tal-elezzjoni ġenerali, tkun meta tkun. Wegħidna partit li jkun jista’ jippreżenta ruħu quddiem l-elettorat bħala gvern alternattiv, u hekk qegħdin nagħmlu.
Hekk qalilna Charles Bonello f’intervista li għamilnielu f’għeluq l-ewwel sena tiegħu fil-kariga ta’ Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista.
Fil-fatt Charles Bonello kien elett f’din il-kariga f’elezzjoni interna li saret fit-13 ta’ Marzu 2025, preċiżament bħal-lum sena, waqt laqgħa tal- Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista.
Qabel din l-elezzjoni, Charles Bonello ma kienx wiċċ ġdid għall-Partit Nazzjonalista. Fil-fatt sa sena ilu kien jokkupa l-kariga ta’ President tal-Kulleġġ Kunsillieri Lokali tal-PN u kunsillier f’isem il-Partit Nazzjonalista fil-Fgura. Aktar lura serva wkoll fi rwoli politiċi differenti fi żmien amministrazzjonijiet Nazzjonalisti, fosthom bħala Segretarju Privat tal-Eks Prim Ministru u Kap tal-PN Lawrence Gonzi. Fl-2017 ikkontesta wkoll l-elezzjoni ġenerali f’isem il-Partit Nazzjonalista.

L-aktar mumenti sinifikattivi
Staqsejnieh x’kienu l-aktar mumenti sinifikattivi matul din is-sena li għaddiet u x’kienu l-aktar okkażjonijiet li tawh sodisfazzjon.
“Meta nħares lura lejn dak kollu li wettaqt f’din l-aħħar sena – mhux waħdi imma mal-kumplament tat-tmexxija tal-partit – niftakar li fost l-ewwel kliem li lissint kien hemm dak li rridu nirbħu l-qlub tan-nies u nnisslu fihom it-tama għax mhux kollox huwa mitluf. Illum sinċerament nemmen li dan irnexxielna nagħmluh.
“Minkejja l-problemi kollha li n-nies qed tiffaċċja ta’ kuljum minħabba governanza ħażina ta’ dan il-Gvern, nemmen li n-nies qed tinduna li mhux kollox huwa mitluf u qed tara tama ġdida fil-Partit Nazzjonalista kif irnex-xielu jiġġedded illum.
“L-ikbar prova li rnexxielna wkoll nirbħu l-qlub tan-nies hija fl-ammont impressjonanti ta’ żieda fit-tesserati matul din l-aħħar sena u ta’ kemm żdiedet l-attività fid-Dar Ċentrali, kemm fl-impjegati u l-operat tagħna u kemm f’numru dejjem jikber ta’ voluntieri li qegħdin iħabbtu l-bibien tagħna, li huma dejjem miftuħin beraħ għalihom.
“Tajna wkoll aktar importanza u aktar vuċi lill-Kumitati Sezzjonali tagħna.
“Qed jagħtuna wkoll sodisfazzjonijiet regolari l-maratoni ta’ ġbir ta’ fondi li l-partit jorganizza minn żmien għal żmien. L-appoġġ finanzjarju tan-nies jagħtina kuraġġ enormi biex inkomplu ninvestu fir-riżorsi u fil-makkinarju tagħna biex il-messaġġ tal-partit inwassluh bl-aktar mod modern, ċar u effettiv fid-djar tan-nies.
“Sodisfatti wkoll bir-riżultati pożittivi li qed tikseb l-midja tagħna fl-istħarriġ regolari tal-Awtorità tax-Xandir, fejn irrid infakkar li għall-ewwel darba l-istazzjon televiżiv tagħna, Net Television, kien klassifikat fl-ewwel post bħala udjenza fost l-istazzjonijiet televiżivi. Tragward li lħaqnieh għall-ewwel darba matul din is-sena.”

Kap ġdid – entużjażmu ġdid
Imbagħad f’Settembru li għadda l-Partit Nazzjonalista eleġġa Kap tal-Partit ġdid – Alex Borg. Kif affettwat lill-PN din il-bidla fit-tmexxija?
Charles Bonello qal li l-entużjażmu li ġabet magħha din il-bidla fit-tmexxija kien evidenti sa mill-ewwel jiem. Filwaqt li rringrazzja lill-Kap preċedenti Bernard Grech għax-xogħol siewi tiegħu u għall-proċess li kien diġà beda hu għat-tiġdid tal-partit, kulħadd ra b’għajnejh kemm għamlet effett pożittiv immedjat it-tmexxija ġdida mill-iżgħar Kap li qatt kellu l-Partit Nazzjonalista. Demm żagħżugħ li xpruna mill-ewwel entużjażmu u sens ta’ tama mhux biss f’dawk il-partitarji leali li ssibhom dejjem miegħek, imma anki oħrajn li kienu xettiċi u li kienu bdew jaqtgħu qalbhom mill-politika b’mod ġenerali.
“Fi żmien qasir Alex Borg, minkejja l-età żagħżugħa tiegħu, irnexxielu jikseb statura ta’ politiku serju, kredibbli għax diġà wettaq il-wegħdi li għamel fil-kampanja elettorali tiegħu fl-elezzjoni għal Kap tal-PN, u ta diġà ħjiel ta’ governanza tajba f’diversi okkażjonijiet, fosthom bil-mod matur ta’ rġulija kif aġixxa fil-każ preżenti tal-ħatra ta’ Prim Imħallef ġdid minkejja l-atteġġjament pwerili tal-Prim Ministru.”

Konvenzjoni Nazzjonali
Fost l-akbar sodisfazzjonijiet ta’ din is-sena Charles Bonello semmielna wkoll il-Konvenzjoni Nazzjonali li saret matul ix-xahar li għadda.
“Kienet okkażjoni oħra li ħdimna għaliha bħala tim u sodisfatt immens bir-riżultat tagħha. Kellna mhux biss attendenza u parteċipazzjoni tajba u mifruxa ħafna, imma rnexxielna nipprovdu l-ikbar spazju għal ideat u suġġeriment lil firxa wiesgħa ta’ nies fuq skala nazzjonali. Bil-Konvenzjoni Nazzjonali tajna togħma ta’ kif se nkunu qed inwettqu l-politika meta l-poplu jafdana bit-tmexxija ta’ dan il-pajjiż. Urejna li għalina l-interess nazzjonali jiġi qabel kollox u li s-soluzzjonijiet insibuhom biss meta nġibu lil kulħadd flimkien biex qabel nieħdu d-deċiżjonijiet nisimgħu x’għandu xi jgħid kulħadd. Għax għalina kulħadd importanti. Malta ’l Quddiem għalina mhuwiex biss slogan, imma wegħda li rridu narawha titwettaq fil-prattika, u se nagħmlu ħilitna kollha biex inwettquha.”

Ottimisti għall-futur
X’inhi t-triq ’il quddiem, Charles, fejn irid jasal dan il- partit?
“Bla dubju ta’ xejn l-ikbar tragward tagħna jkun is-suċċess fl-elezzjoni ġenerali. Suċċess għalina ma jfissirx li nnaqqsu d-distakk li f’dawn l-aħħar snin kien kbir ħafna bejn iż-żewġ partiti, fejn tidħol l-elezzjoni ġenerali. Is-suċċess għalina jfisser rebħa. Rebħa li ma tkunx biss tan-Nazzjonalisti imma tal-Maltin u l-Għawdxin kollha. Għax aħna, kif qal il-Kap tagħna Alex Borg sa mill-ewwel diskors tiegħu, ma rridux inħarsu aktar lejn kuluri partiġjani, imma biss lejn il-bajda u ħamra, il-bandiera li tgħaqqadna bħala nazzjon wieħed, bħala poplu wieħed.
“Irridu nirbħu biex nagħtu lill-poplu kollu l-Gvern li jistħoqqlu, biex inroddu lura lill-poplu tagħna pajjiż b’reputazzjoni tajba mal-kumplament tad-dinja bħalma dejjem kellu qabel. Tmexxija li ma ġġib xejn qabel l-interess nazzjonali. Irridu nirbħu biex flimkien inwettqu l-wegħda ta’ Malta ’l Quddiem.”

Ritratt f’okkażjoni reċenti ta’ Charles Bonello flimkien mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg

Irridu nirbħu l-elezzjoni li ġejja biex inroddu lura lill-poplu l-pajjiż u l-Gvern li jistħoqqlu. Irridu nirbħu biex flimien inwettqu l-wegħda ta’ Malta ’l Quddiem.

Din l-intervista kienet ippubblikata f’In-Nazzjon tal-Ġimgħa 13 ta’ Marzu, 2026.