Internazzjonali

Stati Uniti: Maqtul wara ‘azzjoni ta’ mibgħeda’ kontra l-komunità tal-Lhud

L-aġenti tal-FBI, fl-Istati Uniti, qed jinvestigaw attakk fl-Istat ta’ Michigan li seħħ bl-intenzjoni speċifika li jinqatlu l-massimu possibbli tan-nies preżenti f’sinagoga tal-Lhud u l-madwar.

L-FBI qed titratta l-inċident bħala ‘azzjoni ta’ vjolenza premeditata kontra l-komunità tal-Lhud’ wara li  raġel ta’ 41 sena – ċittadin imwieled il-Libanu – saq il-vettura b’veloċità fid-direzzjoni tas-sinagoga bl-isem ta’ Temple Bloomfield, li tinsab  fl-inħawi ta’ West Bloomfield…Inċident li seħħ meta ‘il fuq minn 100 tifel u tifla kienu qed jattendu għal-lezzjonijiet fl-iskola tas-sinagoga.

L-aggressur suspettat tilef ħajtu ftit wara l-inċident waqt  li l-Gvernatur ta’ Michigan, Gretchen Whitmer irreferiet għall-każ bħala wieħed anti-semitiku xprunat mill-mibgħeda għal-Lhud.

L-awtoritajiet f’dan l-Istat, fl-istess ħin, wasslu messaġġ ċar kontra l-antisemitiżmu, bil-kundanna qed issir irrispettivament minn jekk il-aġir hux ġej mill-faxex tal-lemin jew tax-xellug tal-spektrum politiku.

Intant, ma ndarab ħadd serjament waqt l-attakk fuq is-sinagoga u l-iskola li tifforma parti mill-kumpless, bir-rapporti, madankollu, jirreferu għal gwardjan tas-sigurtà li kellu jiġi mdewwi għall-feriti ħfief.

Għalissa ma ssemmiex mottiv uffiċjali wara l-attakk, bl-awtoritajiet f’West Bloomfield jikkonfermaw li l-aggressur ipprova minn kollox biex jeqred parti mill-bini bil-vettura qabel spiċċa newtralizzat mill-gwardjani preżenti.

U waqt li naħa tas-sinagoga spiċċat taqbad wara l-attakk, ir-rapporti ma kkonfermawx il-kawża tal-mewt tal-aggressur inkella jekk hu kienx involut fi sparatura mal-pulizija.

Madankollu, diversi sorsi qalu, fl-aħħar sigħat, li raw il-gwardjani fl-inħawi jisparaw fid-direzzjoni tal-karozza – b’numru ta’ uffiċjali tas-sigurtà, wara, ikunu trattati għad-dħaħen li belgħu waqt il-mumenti drammatiċi.

L-uffiċjali fl-aħħar sigħat ukoll, qalu li l-140 persuna fl-iskola tas-sinagoga – li jinkludu studenti, għalliema u staff — jinsabu kollha qawwijin u sħaħ.