Lokali

“Tiġi meta tiġi l-elezzjoni l-Partit Nazzjonalista jinsab lest” – Alex Borg

Ritratt: Martin Agius

“Jien irrid inkun ibbażat fuq il-fatti u studji serji biex dak li nwiegħed inkun nista’ nwettqu.”

Kien dan il-messaġġ li wassal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg f’intervista ma’ Karl Bonaci fuq l-istazzjon FLIVING.

Mistoqsi dwar l-għajdut ta’ elezzjoni ġenerali bikrija, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista insista li la darba huwa minnu li l-pajjiż sejjer tajjeb kif qed jgħid il-Gvern Laburista, il-Prim Ministru m’għandux għalfejn isejjaħha kmieni madanakollu insista li hu flimkien mat-tim kollu tal-Partit Nazzjonalista jinsabu preparati, tiġi meta tiġi.

B’rabta mal-billboards li saru dwar l-imħallef Wenzu Mintoff, Alex Borg qal li l-użu tal-mezzi kollha kien meħtieġ biex in-nies hemm barra jkunu infurmati b’dak kollu li qed jiġri. Liema billboards jinkludu fatti li ħarġu mill-ittra ġuramentata.

Dan filwaqt li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista wera solidarjeta sħiħa mal-Membru Parlamentari Ewropew Daniel Attard b’rabta mat-taħwida li wettqu l-pulizija Belġjana madanakollu preċiża jgħid li l-kmamar tal-aħbarjiet lokali kienu ħarġu l-informazzjoni skont il-fatti provduti xhur ilu mill-awtoritajiet Belġjani u mhux minn sempliċi għajdut.

B’rabta mal-affordabbilita f’Malta Alex Borg insista li bosta żgħażagħ qed jaffaċċjw sfidi kbar biex isiru sidien ta’ djarhom u jibdew jibnu familja. U fakkar fil-proposti tal-Partit Nazzjonalista, inkluż ic-child trust fund fost oħrajn.

Alex Borg tenna li l-Partit Nazzjonalista se jkompli jfassal proposti li se jassiguraw li l-kontijiet tal-ilma u d-dawl jibqgħu baxxi.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, tkellem dwar l-isptarijiet, is-sistema edukattiva, it-toroq u l-bqija tal-infrastruttura li mhux ilaħħqu maż-żieda enormi fil-popolazzjoni.

B’rabta mal-proposti qal li fl-ewwel mitt jum tiegħu bħala prim ministru, jibda x-xogħol fuq is-sistema tat-trasport tal-massa, u jippubblika l-ewwel Labour Market Study.