Lokali

Żagħżugħ ta’ 26 sena jitressaq il-Qorti wara li nstab b’ammont ta’ droga

Raġel ta’ 26 sena miż-Żejtun tressaq il-Qorti tal-Maġistrati akkużat b’diversi reati relatati mad-droga wara li allegatament instab b’ammont ta’ sustanzi illegali waqt waqfa tat-traffiku.

Il-każ seħħ fil-11 ta’ Frar meta uffiċjali tal-LESA waqqfu lil Jaidan Vella waqt li kien qed isuq vettura minħabba li kien qed juża l-mobile waqt is-sewqan. Skont l-akkuża, waqt il-waqfa Vella allegatament tefa’ oġġett fuq wara tal-vettura li wassal għal suspett li seta’ kien droga.

Il-Pulizija ġiet infurmata u wara tfittxija fil-vettura nstab ammont ta’ sustanzi allegatament illegali. Fosthom instabu madwar 50 gramma kannabis, 25 gramma MDMA (ecstasy) u trab roża suspettat li huwa l-hekk imsejjaħ “pink cocaine”.

Vella qed jiffaċċja diversi akkużi fosthom pussess ta’ droga li ma kinitx għall-użu esklussiv tiegħu, traffikar ta’ sustanzi psikotropiċi bħall-ecstasy, pussess u traffikar allegat ta’ kokaina, kif ukoll pussess tal-pjanta tal-kannabis u sustanzi psikoattivi oħra mingħajr awtorizzazzjoni.

Hu ġie akkużat ukoll li kien qed isuq vettura mingħajr liċenzja valida u mingħajr ma kellu kontroll sħiħ tal-vettura.

Fil-Qorti ntqal ukoll li l-akkużat allegatament kien qed isuq vettura Peugeot meta twaqqaf mill-uffiċjali tal-LESA.

Id-difiża talbet lill-Qorti biex tiġi ppreżentata prova dwar il-ħin eżatt meta l-akkużat twaqqaf mill-uffiċjali tal-LESA u staqsiet ukoll jekk kienx sar “citizen’s arrest”. Wara din it-talba, il-Qorti ordnat li l-uffiċjal tal-LESA jittella’ immedjatament jixhed.

Skont il-prosekuzzjoni, l-akkużat ikkopera mal-Pulizija waqt l-investigazzjoni.

F’dan l-istadju ma saritx talba għal ħelsien mill-arrest.

Is-seduta kienet preseduta mill-Maġistrat Elaine Rizzo. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Darryl Farr flimkien mal-Avukat Julian Scicluna mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

L-akkużat qed jiġi rrappreżentat mill-avukati Matthew Xuereb u Francesca Vella
Il-każ għadu għaddej quddiem il-Qorti.