Futbol Sport

Floriana jwaqqgħu żewġ punti sekondi mit-tmiem…Birkirkara se jilgħabu f’Bottom Six

Ritratt ta' Floriana FC
Ritratt ta' Floriana FC

Birkirkara….2

Floriana………2

Floriana waqqgħu żewġ punti prezjużżi meta temmew fi draw ta’ 2-2 kontra Birkirkara, bl-istripes jirnexxilhom jiskorjaw il-gowl li ċaħħad lit-tim taħt it-tmexxija tal-kowċ Daniel Portela, fl-aħħar sekondi tal-partita.

Minkejja dan ir-riżultat, Birkirkara, li kienu għadhom biċ-ċans li jagħmliuha għal post fit-Top Six, iżda kellhom l-anqas ċans minn fost it-timijiet li matematikament kienu għadhom qed jittamaw li jilgħabu mal-ewwel sitta, xorta ma laħqux it-tragward mixtieq u fl-aħħar ħames partiti tal-Closing Round se jkunu qed jilgħabu f’Bottom Six, flimkien ma’ Sliema Wanderers.

Dawn tal-aħħar ukoll ma rrnexxilhomx jagħmluha mal-bqija tat-timijiet li se jilgħabu Top Six, wara li temmew din il-fażi tal-Kampjonat, b’punt wieħed biss anqas minn Valletta u Gżira United.

Floriana fetħu l-iskor wara ħames minuti bi free-kick mix-xellug li sab lill-attakkant Kenan Dervisagic li b’daqqa ta’ ras għeleb lil Miguel Martinez.

Risposta immedjata minn Birkirkara li ġabu d-draw żewġ minuti. Kemar Reid irċieva passaġġ vertikali, avvanza u b’xutt fuq l-ewwel lasta qarraq b’Cioletti.

Wara li kienu għaddew ftit aktar minn nofs siegħa logħob, fit-32 miunuta, Floriana kienu mogħtija penalty, meta r-referee Alex Johnson, iġġudika l-kuntatt ta’ Leandro Lautaro Lacunza fuq Paul Mbong fil-kaxxa, bħala wieħed irregolari. Mill-11-il metru, Jake Grech ma żbaljax biex skorja l-għaxar gowl tiegħu fil-Malta Premier dan l-istagun għal skor parzjali ta’ 2-1.

Bil-partita dehret li kienet se tintrebaħ minn Floriana, fl-94 minuta kien eks plejer ieħor ta’ Floriana li skorja għal Birkirkara. Din id-darba kien Jan Busuttil li b’xutt fil-baxx għar-rokna għeleb lill-goalkeeper tal-greens għall-gowl tad-draw ta’ 2-2.

Riżultat finali li jista’ jfisser li f’każ li llum Ħamrun Spartans jirbħu kontra Mosta, iċ-champions jilħqu lil Floriana fl-ewwel post tal-klassifika, bl-aħħar ħames partiti tat-Top Six għal kull tim, mistennija jkunu missielta, b’Floriana jeħtieġu li ma jħallux lil Ħamrun Spartans jirbħu il-Closing Round biex jisfurzaw il-play-off jew il-final four, biex ikun deċiż ir-rebbieħ tal-Malta Premier għal dan l-istaġun.

Referee | Alex Johnson

Plejer tal-logħba | Dunstan Vella (Floriana)