Għada l-Ħadd, 15 ta’ Marzu se tkun qed tiġi organizzata għall-ewwel darba l-Malta Supporters Cup. Din il-kompetizzjoni se tintlagħab bejn id-9am u l-5pm fil-grounds tal-Kulleġġ ta’ De La Salle.
Dan huwa avveniment sportiv li fih se jipparteċipaw is-supporter clubs barranin, iżda magħhom huma mistednin ukoll ħbieb, familjari u kull min iħobb il-futbol.
Matul il-ġurnata se jkun hemm ukoll ikel u mużika b’ DJ Lorenzo u l-band Mathias u Thea, biex jinħoloq ambjent vibranti u divertenti għal dawk kollha li se jattendu. Kull club tal-futbol li se jipparteċipa se jkollu stand dedikat, fejn se jkunu qed jiġu organizzati diversi attivitajiet għall-pubbliku.
Fost dawn se jkun hemm opportunità għall-viżitaturi li jieħdu ritratt ma’ flokk iffirmat minn Lewandowski, quizzes, attivitajiet għat-tfal u merchandise relatat mat-timijiet u mal-avveniment.
Aspett ewlieni tal-avveniment huwa l-importanza mogħtija lis-saħħa mentali. Permezz tal-futbol u l-attività fiżika, l-avveniment se jenfasizza kif l-isport jista’ jikkontribwixxi għal benesseri mentali aħjar, inaqqas is-sens ta’ iżolament, joħloq sens ta’ appartenenza u komunità bi ħbiberiji ġodda.
B’dan il-mod, il-futbol qed jiġi ppreżentat mhux biss bħala kompetizzjoni, iżda wkoll bħala mezz ta’ inklużjoni, komunità u benesseri.
Is-supporter clubs li se jipparteċipaw huma ta’ Bayern Munich, AC Milan, Liverpool FC, Arsenal FC, FC Barcelona, Real Madrid u Manchester United.



