Lokali

“Hope MissioFest 2026: Festa ta’ ringrazzjament, tama u grazzja”

“Il-Maratona li qed ittella’ Missio Malta toffri mument ta’ ringrazzjament, tama u grazzja.”

Kien dan il-messaġġ li wassal il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione meta żara il-maratona ġbir ta’ fondi li qed ittella’ Missio Malta bit-tema “’il quddiem bit-tama”.

Din il-maratona qed issir bl-għan li l-flus kollha li jinġabru jintużaw għal għan nobbli proprju biex isiru proġetti  ta’ edukazzjoni għat-tfal, proġetti ta’ kostruzzjoni ta’ djar, proġetti ta’ bini ta’ sptarijiet u aċċess għall-kura medika, proġetti agrikoli, u aċċess għall-ilma nadif kif ukoll għajnuna diretta għal żgħażagħ li jħossu vokazzjoni reliġjuża.

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista tenna li din il-maratona toffri mument ta’ tama għaliex id-donazzjonijiet li jingħataw jistgħu verament jagħmlu differenza fil-ħajja ta’ tant nies. Huwa stqarr li dak li tagħmel il-Missio huwa possibbli grazzi għall-voluntiera u n-nies li qed jikkontribwixxu permezz tal-għotjiet li jġibu tant ferħ u sodisfazzjon.

Missio Malta ħadmet fuq xejn inqas minn 133 proġett madwar id-dinja. 75 minn dawn saru fi 13-il pajjiż tal-Afrika, ħamsa fi tliet pajjiżi fl-Amerika t’Isfel u 52 mifruxa f’10 pajjiżi fl-Ażja.

Permezz ta’ din il-ħidma konkreta din l-organizzazzjoni qed tagħti lil eluf ta’ tfal u komunitajiet sħaħ tama għal kwalita’ ta’ ħajja aħjar.

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista, appella lill-poplu Malti u Għawdxi ssabiex ikun ġeneruż u jagħti d-donazzjoni tiegħu.

Din il-maratona bdiet fil-11:00 am u se dduum għaddejja sal-11:00 pm. ‘Il quddiem bit-tama qed tixxandar fuq l-istazzjonijiet lokali kollha, fosthom NET Television.