Sliema Wanderers…..2
Gżira United…………..1
Sliema Wanderers rebħu d-derby tax-Xatt kontra l-ġirien Gżira United bl-iskor ta’ 2-1, iżda xorta ma kienx biżżejjed biex l-iskwadra mmexxija mill-kowċ Pablo Doffo jikseb post mal-ewwel sitta tal-Malta Premier fl-aħħar fażi tal-Closing Round.
Il-blues baqgħu jittamaw sal-aħħar, u jistennew it-tmiem tal-partita bejn Marsaxlokk u Valletta, bit-tama li f’każ li Valletta kienu jitilfu fl-aħħar sekondi kontra x-Xlukkajri, huma kienu jisfurzaw decider mal-Beltin għal min minnhom kien se jilgħab fit-Top Six. Madankollu s-Slimiżi baqgħu bix-xewqa għaliex ir-riżultat pożittiv li kisbu fid-derby kontra l-maroons ma wassalhomx biex jilħqu l-għan ta’ post mal-ewwel sitta.
Minn naħa l-oħra Gżira United, lagħbu dan id-derby mingħajr pressjoni, sforz il-fatt li l-objettiv tagħhom li jiksbu post f’Top Six, kienu diġa’ laħquħ sa minn qabel dan id-dwell.
Sliema Wanderers ħarġu aggressivi sa mill-ewwel minuti tal-konfront, tant li lanqas laħqu għaddew l-ewwel għaxar minuti logħob mil-ftuħ tal-logħba, li ma kienux diġa’ fil-vantaġġ. Fit-tmien minuta, il-blues fetħu l-iskor meta konkluzzjoni tal-eks Gżirjan, Thiaguinho kienet imblukkata mid-difensur Deacon Abela, il-ballun jasal għand Uros Duranovic li kkonkluda tajjeb lejn il-lasta biex għeleb lill-goalkeeper, Edoardo Colombo għal skor parzjali ta’ 1-0.
Dan il-gowl bikri fil-logħba ta aktar saħħa lis-Slimiżi u sat-tmiem tal-ewwel taqsima, il-Wanderers komplew iżidu bl-attakki tagħhom. It-tieni gowl Slimiż wasal qabel iż-żewġ timijiet daħlu għall-interval meta fil-ħin miżjud qabel tmiem l-ewwel 45 minuta, captain Steve Pisani xeħet kross lejn in-nofs, u kien Roko Prsa li kkordina lilu nnifsu b’mod tajjeb u bir-ras tefa’ fir-rokna tax-xibka għal skor ta’ 2-0.
B’Sliema jidħlu jistrieħu b’żewġ gowls minn fuq, huma kienu jafu li ma setgħu jagħmlu xejn aktar milli kienu diġa’ għamlu għaliex id-destin tagħhom kien jiddependi mir-riżultati fiż-żewġ partiti l-oħra ta’’ Valletta u Naxxar Lions.
Fit-80 minuta, Gżira United irnexxilhom inaqsu l-iskor, meta d-difensur Slimiż,Murilo Freire xeħet fix-xibka tiegħu stess għal dak li kien l-aħħar gowl tal-partita u skor finali ta’ Sliema Wanderers 2 Gżira United 1.
Referee | Glenn Tonna
Plejer tal-logħba | Roko Prsa (Sliema Wanderers)
//= $special ?>

