Lokali

It-Tanker Arctic Metagaz qed jersaq lejn il-punent ta’ Għawdex

It-Tanker Russu li kien fil-mira ta’ attakk bil-missili fid-9 ta’ Marzu u li kien ‘l barra minn Malta, issa qed joqrob lejn pajjiżna.

Rapporti qed jindikaw li Malta attivat pjan ta’ emerġenza hekk kif it-tanker Russu u li qed iġorr 700 tunellata ta’ żejt u LNG jista’ jidħol f’pajjiżna sal-Ħadd filgħaxija.

It-Times of Malta qed tispjega li t-tanker li kien fil-mira ta’ attakk bil-missilli jinsab 50 metru nawtiku ‘l barra minn pajjiżna u għalhekk huma bosta r-riskji marittimi u ambjentali.

Ir-rapport, jindika li l-awtoritajiet Maltin qed jistennew li d-direzzjoni tar-riħ se tkun qed timbutta lil dan it-tanker lejn il-kosta tal-Punent tal-Gżira Għawdxija sal-Ħadd filgħaxija.

Jidher ukoll illi l-awtoritajiet Maltin u Taljani qed jaħdmu flimkien sabiex jindirizzaw din is-sitwazzjoni li tista’ twassal għal katastrofi ambjentali sinifikanti.

It-Times qed tirrapporta li tugboats qegħdin standby sabiex jipprevjenu lil dan it-tanker milli jidħol f’pajjiżna u li l-Forzi Armati ta’ Malta qed jissorveljaw il-movimenti tat-tanker tliet darbiet kuljum.

Sorsi li tkellmu mat-Times u li huma viċin ħafna tal-operazzjonijiet, spjegaw li l-pjan huwa li dan it-tanker jittieħed ‘il barra miż-żona iżda ma hemm l-ebda indikazzjoni ta’ fejn se jkun qed jittieħed dan it-tanker. Dan filwaqt li kien spjegat ukoll li mhux sigur li dan it-tanker jittella’ minħabba li hemm numru ta’ splussivi abbord.

It-tanker Arctic Metagaz, għandu diversi sanzjonijiet imposti fuqu mill-Unjoni Ewropea u anke mill-Istati Uniti għaliex huwa parti mix-shadow fleet Russa. Għalhekk, huma numerużi d-diffikultajiet legali u loġistiċi li jimponi.

Punt inkwetatni, u li qed ikun spjegat minn dawn is-sorsi, jidher li huma l-impjanti tar-Reverse Osmosis ta’ pajjiżna. Hekk kif jekk ikun hemm każ li ż-żejt fit-tanker jispiċċa fl-ibħra Maltin, dan jista’ jikkawża ħsarat sinifikanti fl-impjanti li huma kruċjali għall-ilma f’pajjiżna. Għalkemm jidher li l-ilma jservi għal ġimgħa f’każ ta’ emerġenza f’pajjiżna.

Dan filwaqt li jeżisti inkwiet ta’ splużjoni li skont sorsi jidher li tkun katastrofika għall-pajjiżna.