Lokali

Mhux eskluż li l-ħallelin li wettqu serqa minn ħanut tad-deheb fil-Furjana ħarbu minn Malta

L-investigaturi mhux jeskludu l-possibbiltà li l-ħallelin li allegatament wettqu serqa ta’ madwar €200,000 f’ġojjelli minn ħanut tad-deheb fil-Furjana … ħarbu mill-pajjiż

Fil-fatt Il-vettura li allegatament intużat mill-ħallelin instabet abbandunata, ftit wara li twettqet is-serqa li fiha allegatament insterqu madwar €200,000 f’oġġetti ta’ valur.

Jidher li s-suspettati huma erba’ barranin – tliet irġiel u mara, li daħlu fil-ħanut b’wiċċhom mikxuf u mhux armati. U dan kompla jikkonferma t-teżi li dawn il-ħallelin, li ma kellhomx wiċċhom mgħotti, kellhom diġa’ rashom mistrieħa bil-pjan tagħhom li jaħarbu minn Malta ladarba jwettqu din is-serqa.

Il-każ seħħ il-Ħamis għall-ħabta tal-5pm, minn ġojjellerija li tinsab fi Triq Sant’Anna – taħt il-loġoġ.

L-oġġetti ta’ valur li kienu esebiti jew merfuha ġew irrappurtati li nsterqu; b’ammont sostanzjali ta’ deheb li allegatament ittieħed mill-post permezz ta’ pouches.

Il-Pulizija mal-ewwel kienu bdew bl-istħarriġ tagħhom – fejn ġew eżaminati anke cameras tas-CCTV tal-istess ħanut tad-deheb u ta’ stabbilimenti u intrapriżi oħrajn li hemm fil-madwar.

Il-Pulizija qed tappella lil kull min jista’ jkollu xi informazzjoni dwar dan il-każ biex jikkuntattja lid-Depot, anke b’mod anonimu, sabiex jgħin fl-investigazzjonijiet li għadhom għaddejjin.

Il-Maġistrat Joe Mifsud qed imexxi inkjesta u ħatar numru ta’ esperti sabiex jassistuh b’rabta ma’ dan il-każ.

Fortunatament, ħadd ma weġġa’ waqt din is-serqa. Għalkemm il-każ ġab miegħu xokk kbir għas-sidien tal-ġojjellerija.