Naxxar Lions…..2
Hibernians………1
Naxxar Lions huma l-akbar sorpriża minn fost is-sitt timijiet li se jilgħabu fit-Top Six, fit-tieni u l-aħħar parti tal-Closing Round. L-iskwadra taħt il-gwida teknika ta’ Winston Muscat, minkejja li kellha ġimgħa diffiċli, fl-isfond ta’ spekulazzjonijiet ta’ allegat ta’ każ ta’ korruzzjoni f’partita li huma rebħu f’dan il-Kampjonat kontra Mosta, u li l-Pulizija qed tinvestiga, irnexxilhom jibqgħu żżommu l-konċentrazzjoni u għelbu lil Hibernians 2-1.
B’dan ir-riżultat, għall-ewwel darba minn kemm ilu li l-Kampjonat biddel il-format tiegħu, għal wieħed li sal-lum il-maġġoranza tal-partitarji tal-futbol domestiku għadhom mhux jaqblu miegħu, Naxxar Lions irnexxilhom jagħmluha mal-ewwel sitta tal-Closing Round.
Dan it-tragward ħoloq sitwazzjoni li bosta kienu konvinti li qatt ma kienet se tiġri, ċioé li jkollok tim li fl-ewwel Kampjonat jispiċċa l-Opening Round fil-posizzjoni ta’ qabel tal-aħħar, u allura fl-aħħar tal-istaġun jaf li l-minimu biex isalva postu fil-Malta Premier hu li jilgħab ir-relegation play-off, u fil-Closing Round, l-istess tim, jittrasforma ruħu għall-aħhar, tant li jagħmilha mal-ewwel sitta fl-aħħar parti tal-Closing Round. Din is-sitwazzjoni tfisser, li għandek format ta’ Kampjonat surreali, li fl-aħħar tal-istaġun għadu ma jafx jekk hux se jilgħab ir-relegation play-off jew l-estrem l-ieħor; bir-riżultati favur tagħhom, jista’ jagħmilha għal post fil-Final Four għar-rebħ tal-Malta Premier.
Għal min ħaseb li sitwazzjoni bħal din, bil-format tal-Kampjonat preżenti, kienet impossibli li sseħħ, issa ħa r-risposta.
It-tibdil li għamlu Naxxar Lions f’Jannar, u l-ħatra ta’ Muscat bħala kowċ ġdid tat-tim, kienu l-akbar fatturi biex fil-Closing Round stajna naraw skwadra mibdula, imtejba u li fl-ewwel ħdax-il partita tal-Closing Round, kisbu ħames rebħiet u tliet draws biex b’hekk preżentament jinsabu fir-raba’ post tal-klassifika.
B’Hibernians nieqsa minn kwalunkwé motivazzjoni, Naxxar Lions fetħu tajjeb u fl-ewwel kwarta tal-partita marru fil-vantaġġ. Kienet konkluzzjoni ta’ Louis Pahama, li wara li rebaħ ballun, issupera plejer avversarju u b’konkluzzjoni fil-baxx għeleb lil Laurentiu Branescu, goalkeeper ta’ Hibernians, għal skor ta’ 1-0.
Fit-tieni taqsima, Naxxar Lions żiedu l-iskor, bl-awtur tal-gowl ikun wieħed mill-aqwa plejers barranin li għadna jilgħabu fil-Malta Premier dan l-istaġun, Vitinho. Kienet azzjoni li waslet fit-68 minuta b’xutt meqjus tal-Brażiljan li għeleb lill-goalkeeper ta’ Hibernians, biex il-winger offensiv ta’ 27 sena żied l-ammont ta’ gowls skorjati dan l-istaġun fil-Malta Premier għal ħdax.
Erba’ minuti wara dan il-gowl, il-Pawlisti wetqu reazzjoni u naqqsu l-iskor minn azzjoni ta’ corner, li rat lid-difensur internazzjonali Malti, Kurt Shaw jgħola tajjeb bir-ras u għeleb lil Matthias Debono, goalkeeper ta’ Naxxar Lions.
Wara dan il-gowl, Naxxar Lions ikkontrollaw il-vantaġġ ta’ gowl sat-tmiem tal-logħba biex mas-suffara finali, bir-raġun il-klann Naxxari ċċelebra bil-kbir il-kisba ta’ post fit-Top Six tal-Closing Round.
Referee | Joseph Scerri
Plejer tal-logħba | Edson Farias (Naxxar Lions)
//= $special ?>

