Victor Camilleri
Eks Editur ta’ In-Nazzjon u Il-Mument
■ F’dawn il-paġni qed inħarsu lejn sitt kazini tal-Labour madwar Malta li dwarhom il-poplu kien imġiegħel iħallas mijiet ta’ eluf ta’ ewro bħala kumpens lil sidien privati li l-Labour ħadilhom il-proprjetà tagħhom permezz ta’ rekwiżizzjoni jew b’xi manuvra abbużiva oħra, jew għaliex għal dawn il-propjetajiet il-Labour iħallas ‘ħmerija’ ta’ kera.
Ma’ dawn il-lokalitajiet, iżda, irridu nżidu ħafna aktar li l-Labour ħataf f’Malta u Għawdex matul is-snin, biex għamilhom każini tiegħu. Hemm ħafna aktar, fosthom f’Raħal Ġdid, fiż-Żurrieq, fis-Siġġiewi, fir-Rabat (Malta) fir-Rabat Għawdex, kif ukoll binja kbira ta’ valur storiku f’Pembroke, magħrufa bħala Australia Hall li b’manuvri oxxeni l-Labour akkwista mingħand il-Gvern u, imbagħad, biegħha lill-privat għal mijiet ta’ eluf ta’ ewro.
Il-poplu Malti ma jistax jibqa’ indifferenti għal dan is-serq fid-dawl tax-xemx. L-inqas li jista’ jagħmel hu li bil-vot tiegħu jisfiduċja lil dak il-partit fl-Elezzjoni Ġenerali li jmiss.
70 sena ta’ abbuż ta’ poter taħt ħames Leaders differenti tal-Labour
■ Jekk hawn min jaħseb li din tas-‘serq’ ta’ każini mil-Labour f’diversi lokalitajiet Maltin – u f’Għawdex ukoll – hi xi ħaġa relattivament riċenti, ikun qed jaħseb b’mod żbaljat. Mill-anqas, din il-prattika ta’ abbuż ta’ poter kontinwat ilha fis-seħħ mill-anqas għal 70 sena, kif ħareġ fil-Qorti f’wieħed minn dawn il-każi, il-ġimgħa li għaddiet.
Dan ifisser li ħames Leaders konsekuttivi tal-Labour – Dom Mintoff, Karmenu Mifsud Bonnici, Alfred Sant, Joseph Muscat, u Robert Abela – kollha għandhom responsabbiltà f’din il-ħadma tal-poplu, jew għaliex is-‘serq’ seħħ fi żmienhom, jew għaliex kienu jafu bih, u flok ma raddew il-proprjetajiet lil sidhom wasslu biex il-poplu kellu jħallas il-mijiet ta’ eluf ta’ ewro b’deċiżjonijiet u sentenzi, waħda wara l-oħra, tal-Qrati Maltin.
Ħadd minnhom ma waqqaf din il-‘ħniżrija’ għad-danni tal-poplu, anzi kull meta l-Partit Nazzjonalista semma’ leħnu dwar din l-inġustizzja, KOLLHA ddefendew dan l-abbuż ta’ poter perpetwu. Shame on them!
GĦALIEX IL-KUMPENS
■ ĦAL QORMI: Tħallset kera miżerabbli għal snin twal
■ SANTA VENERA: Proprjetà privata, rekwiżita u mogħtija lil-Labour bħala każin
■ ĦAL LIJA: Differenza sostanzjali bejn il-kera tas-suq u dik tassew baxxa li tħallset
■ BIRŻEBBUĠA: Okkupazzjoni ta’ post privat għal 45 sena
■ TAL-PIETÀ: Kera sproporzjonata favur il-Labour b’ammonti baxxi
■ BELT VALLETTA: 70 sena ta’ kera baxxa
IT-TOTAL TA’ FLUS IL-POPLU… S’ISSA
ĦAL QORMI: €30,000
SANTA VENERA: €161,240
ĦAL LIJA: €268,562
BIRŻEBBUĠA: €850,000
TAL-PIETÀ: €205,503
BELT VALLETTA: €263,302
TOTAL €1,778,612
IGAWDI L-LABOUR… U JĦALLAS IL-POPLU
F’dawn l-aħħar snin, il-poplu Malti kien kundannat iħallas il-mijiet tal-eluf ta’ ewra għal għażliet li ma kellhom x’jaqsmu xejn miegħu imma fl-istess ħin kienu ta’ benefiċċju dirett għal-Labour.
Każini tal-PL kienu – u għadhom – jokkuppaw art privata għal snin twal, fil-biċċa l-kbira tal-każi, b’kera baxx, ħafna anqas mil-livell tas-suq u b’dannu dirett għas-sidien leġittimi tagħhom.
F’numru kbir ta’ każi, il-Qrati Maltin iddeċidew li dan kien jammonta għal ksur tad-drittijiet tal-proprjetarji u ordnat lill-Gvern – jiġifieri, finalment, lill-poplu – iħallas kumpens. Dak li hu allarmanti f’dan kollu hu li l-iskandlu u r-responsabbiltà politika kienu tal-istess PL fil-gvern. Din mhix biss inġustizzja legali enormi iżda hi wkoll anomalija ekonomika u morali. Kien hawn każi fejn saħansitra l-proprjetà kienet rekwizzjonata mill-Gvern u vilment mgħoddija għal tgawdija tal-Labour bħala każin tagħhom.
L-ammonti li l-Gvern kien kundannat iħallas f’danni f’dawk il-każi kollha partikulari huma kbar. Għal min jargumenta li dawn kollha kienu biss problema legali, irid jingħad li l-Labour wettaq dan kollu tul ħafna snin fit-tmexxija ta’ xejn anqas minn ħames Leaders tal-Labour.
Kollha kienu jafu b’dan l-ingann tal-istat u KOLLHA berkuh u ħallewh għaddej, jekk mhux ukoll kienu l-awturi tiegħu huma nnifishom.
Din l-anomalija sfiqa turi wkoll difett sistematiku fil-kontroll u l-bilanċ tal-poter f’Malta; il-politika, il-liġi u l-finanzi pubbliċi kienu marbutin flimkien b’mod li wassal biex il-privat u l-poplu – li għandhom drittijiet ċari skont il-Kostituzzjoni – kienu milgħubin minn dawk li għandhom ‘privileġġ’ politiku.
Il-messaġġ li joħroġ minn dan kollu hu ċar: meta l-politika tinfiltra f’dik li għandha tkun ġustizzja ugwali għal kulħadd, il-prezz ikollu jħallsu l-poplu.
Fl-aħħar mill-aħħar, dawn il-każi mhumiex biss dwar proprjetajiet jew kumpens.
Huma dwar responsabbiltà, ġustizzja, u kif il-politika tista’ tintuża b’mod li, imbagħad, ikollu jħallas għaliha l-poplu.
Il-poplu, min-naħa tiegħu, jeħtieġ jifhem li din hi anomalija maħluqa minn governanza pessma tal-Labour, bħala partit u bħala gvern, li għażlu li jibbenefikaw lilhom infushom a skapitu ta’ persuni privati, is-sidien… u issa b’dannu għall-poplu kollu wkoll.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tas-Sibt 14 ta’ Marzu, 2026.
//= $special ?>

