Marsaxlokk…..1
Valletta…………1
Draw kien biżżejjed għal Valletta biex jaċċertaw minn post mal-ewwel sitta fit-tieni parti tal-Closing Round. F’konfront dirett kontra Marsaxlokk, Valletta kienu l-aktar favoriti minn fost l-erba’ timijiet li kienu għadhom biċ-ċans li jiksbu post mat-timijiet li se jilgħabu Top Six fl-aħħar ħames partiti tal-Malta Premier.
Ix-Xlukkajri ma kellhom ebda pressjoni għal din il-logħba, hekk kif l-iskwadra taħt il-gwida teknika ta’ Enzo Potenza, kienu diġa’ aċċertaw minn post mal-ewwel sitta fil-Closing Round, qabel din il-match day deċiżiva.
B’dan ir-riżultat, Marsaxlokk żammew it-tielet post fil-klassifika, iżda Valletta jinsabu fil-ħames post, bl-istess ammont ta’ punti daqs Gżira United. Iż-żewġ gowls skorjati f’din il-logħba waslu fit-tieni taqsima u f’temp ta’ żewġ minuti.
Tmien minuti mil-ftuħ tat-tieni taqsima, Marsaxlokk marru fil-vantaġġ meta Ulises Arias approfitta minn ballun li kien mitluf mid-difiża avversarja, u wara li ssupera lil Emmanuel Mbende u Sava Radix, l-Arġentin ta’ 29 sena xeħet fix-xibka għal skor ta’ 1-0.
Ir-reazzjoni ta’ Valletta kienet, immedjata u żewġ minuti wara minn kross ta’ Yuri Messias, kien l-attakkant żagħżugħ, Andrea Zammit li tħalla żmarkat u f’nofs il-kaxxa għola tajjeb biex bir-ras għeleb lil goalkeeper Xlukkajr, Christoffer Mafoumbi għal skor ta’ 1-1.
Sat-tmiem tal-partita, iż-żewġ naħat bdew jagħfsu għall-gowl tal-vantaġġ, li iżda baqa’ ma wasalx, b’Marsaxlokk resqu l-aktar viċin meta kellhom konkluzzjoni ta’ Linden Rasmus li ħabtet mal-lasta.
Fil-ħin miżjud mir-referee, Marsaxlokk spiċċaw jilgħabu b’għaxra meta James Joseph Kirby l-ewwel intwera l-karta s-safra u ftit wara kien muri t-tieni safra, biex tkeċċa sekondi biss qabel ma ntemmet il-logħba.
Referee | Fyodor Zammit
Plejer tal-logħba | Jake Azzopardi (Valletta)
//= $special ?>

