Aktar minn 50 impjegat tal-kumpanija Aviation Cosmetics f’Ħal Safi tħallsu l-aħħar f’Jannar li għadda; u għadhom ma ngħatawx il-paga għax-xahar ta’ Frar.
Dan kollu seħħ minħabba diffikultajiet finanzjarji li qed taffaċċja din il-kumpanija Olandiża fis-settur tal-avjazzjoni wara tilwima ma’ kumpanija oħra. B’riżultat li l-proċeduri fil-qorti wasslu biex inħarġet ordni sabiex jiġu friżati l-assi tagħha.
Il-qorti ordnat ukoll lill-kumpanija biex tħalli l-hangar tal-gvern li minnu topera fis-Safi Aviation Park wara li naqset milli tħallas il-kera u ħlasijiet oħra dovuti.
Bosta impjegati li jaħdmu ma’ din il-kumpanija esprimew it-tħassib tagħhom b’rabta ma’ din is-sitwazzjoni. B’wieħed mill-impjegati jgħid lil din il-kamra tal-aħbarjiet li l-aħħar paga li rċevew kienet propju fis-26 ta’ Jannar li għadda.
B’oħrajn jesprimu wkoll l-isfidi li qed jaffaċċjaw minħabba li sa issa għadhom ma rċevewx il-paga … fosthom familji li għandhom tfal u trabi, loans li mhux qed jitħallsu – fost numru ta’ diffikultajiet oħrajn.
Intant, il-General Workers Uinion il-Ġimgħa, ippreżentat notifika fil-Qorti sabiex jiġu rilaxxati ammont ta’ assi ta’ Aviation Cosmetics biex ikunu jistgħu jitħallsu s-salarji.
Fid-dawl ta’ dan kollu, il-ħaddiema kollha li jaħdmu ma’ din il-kumpanija qed jittammaw li l-Gvern flimkien mal-Ministru Silvio Schembri jieħdu azzjoni mill-aktar fis sabiex dawn il-familji jkunu jistgħu ikomplu jgħixu ħajja denja mingħajr ebda nkwiet finanzjarju.
//= $special ?>

