F’Mejju li ġej, it-Teatru Manoel se jiftaħ il-bibien tiegħu għad-dinja kurjuża u mimlija immaġinazzjoni ta’ Amélie Poulain. Il-kumpanija Revamp MT flimkien mat-Teatru Manoel qed iġibu għall-ewwel darba f’Malta Amélie – The Musical, b’serje limitata ta’ wirjiet fit-teatru storiku.
Il-produzzjoni se tittella’ bejn it-8 u s-17 ta’ Mejju 2026, u teħodna fit-toroq ikkuluriti ta’ Montmartre f’Pariġi. Hawnhekk niltaqgħu ma’ karattri eċċentriċi, mumenti ta’ umoriżmu u mużika mimlija atmosfera li tagħti ħajja lid-dinja ta’ Amélie fuq il-palk.
Il-musical huwa ispirat mill-film popolari tal-2001 immexxi minn Jean-Pierre Jeunet. Il-verżjoni teatrali kisbet suċċess madwar id-dinja għall-mod kreattiv u sensittiv kif tirrakkonta l-istorja. Il-ktieb tal-musical huwa ta’ Craig Lucas, il-mużika ta’ Daniel Messé, u l-lirika ta’ Nathan Tysen u Messé.
Taħt id-direzzjoni ta’ Dorothy Bezzina u bid-direzzjoni mużikali ta’ Edward Mifsud, il-produzzjoni għandha tim kreattiv Malti li jinkludi lil Matthew Cassar bħala disinjatur tax-xena u tal-kostumi, Raphael Pace bħala koreografu, Mohamad Ali ‘Dali’ Aguerbi u Sergio Costa responsabbli mid-dawl u l-ħoss rispettivament, u Teatru Anon għall-ħolqien tal-pupazzi.
Fil-parti ta’ Amélie nsibu lil Christina Despott, flimkien ma’ Luigi Buhagiar, Paul Portelli, Stephen Oliver, Natassja Chapman, Gianluca Cilia u Lawrence Gray, bħala parti minn kast li l-ħila mużikali u l-versatilità tagħhom jagħtu ħajja lill-istorja fuq il-palk.
Element distintiv ta’ din il-produzzjoni huwa l-preżenza ta’ atturi li wkoll idoqqu strumenti mużikali. Il-mużika ssir parti mill-azzjoni fuq il-palk, b’karattri differenti marbuta ma’ ħsejjes partikolari. Id-dinja viżiva tal-ispettaklu hija ispirata mill-istil eleganti tal-Art Nouveau tal-Metro ta’ Pariġi.
Waqt il-konferenza d-Direttur Artistiku ta’ Teatru Manoel Adrian Mamo stqarr, “Ninsab kuntent ħafna li qed naħdmu flimkien mal-kumpanija kreattiva Revamp MT. F’Mejju li ġej se nilqgħu Amélie fuq il-palk tagħna, storja li tfakkarna fil-qawwa ta’ atti żgħar ta’ tjubija li jistgħu jbiddlu l-ħajja ta’ dawk ta’ madwarna. Nistednu lill-udjenzi jingħaqdu magħna għal produzzjoni sabiħa u mimlija maġija.”
Revamp MT bniet reputazzjoni tajba għal produzzjonijiet ambizzjużi ta’ musical theatre f’Malta, fosthom il-produzzjoni The Band’s Visit, ippreżentata b’kollaborazzjoni ma’ Teatru Manoel, kif ukoll School of Rock – The Musical. B’ Amélie, il-kumpanija tkompli din il-kollaborazzjoni u l-impenn tagħha li ġġib produzzjonijiet distinti u magħrufa internazzjonalment quddiem l-udjenzi Maltin.
“Dejjem konna miġbudin lejn musicals li joffru xi ħaġa differenti,” tgħid id-direttriċi Dorothy Bezzina. “Amélie hija produzzjoni kreattiva ħafna mill-użu tal-pupazzi sal-mużiċisti li huma parti mill-azzjoni fuq il-palk kollha akkumpanjata minn mużika sabiħa ħafna. Aħna fortunati li għandna kast versatili u kapaċi li jagħmel produzzjonijiet bħal din possibbli. Ninsabu wkoll kuntenti ħafna li qed nikkollaboraw mat-Teatru Manoel fuq produzzjoni li, għalkemm forsi mhix magħrufa minn kulħadd, hija affaxinanti u mimlija b’ interess.”
Din il-produzzjoni qed tiġi ppreżentata b’kollaborazzjoni bejn it-Teatru Manoel u Revamp MT, bl-appoġġ ta’ Creative Europe Desk Malta u l-Ambaxxata ta’ Franza f’Malta.
Il-biljetti huma disponibbli minn www.teatrumanoel.mt jew billi ċċempel lill-Box Office ta’ Teatru Manoel fuq +356 2124 6389.



