Jinsisti li fl-ewwel 100 jum ta’ Gvern Nazzjonalista titnaqqas ir-rata tal-VAT għar-ristoranti, kiosks u stabbilimenti tal-catering minn 18% għal 7%
“Importanti li ħadd ma’ jitħalla lura, ejja nisfruttaw l-ambizzjonijiet ta’ kull wieħed u waħda mill-Maltin u l-Għawdxin. Dan huwa l-mument li nagħmlu l-qabża li jmiss, noħolqu l-opportunitajiet – din hija s-siegħa tal-poplu li jagħżel tmexxija serja.”
Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg waqt attività politika fil-lokalità tal-Isla bit-tema Qrib Tagħkom fejn insista li Gvern ġdid Nazzjonalista mhux se jkun qiegħed iħares lejn l-interessi partiġjani iżda unikament biex iwettaq il-ġid lill-poplu Malti u Għawdxi, garanzija ta’ lealtà, Gvern li l-kelma tiegħu tkun ta’ rġulija bil-għan li pajjiżna issa jagħmel il-qabża li jmiss.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista insista li ħaddiema tal-Aviation Cosmetics Malta jinsabu fil-periklu li jispiċċaw bla impjieg hekk kif ilhom ma jkollhom paga mis-26 ta’ Jannar minħabba nuqqas ta’ qbil bejn l-entitajiet governattivi u l-kumpaniji – b’Alex Borg jinsisti li se jagħmel minn kollox sabiex ikun ta spalla għal dawn il-ħaddiema.
Alex Borg sostna li se jkun qiegħed jagħmel minn kollox, filwaqt li saħaq li se jkun qiegħed isejjaħ lill-Prim Ministru sabiex jintervjeni hekk kif sostna li ma jistax isofri l-ħaddiem u li jeħtieġ l-appoġġ kollu neċessarju.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista insista li taħt Gvern ġdid Nazzjonalista immexxi minnu bħala Prim Ministru se jkun qiegħed jaċċerta li l-għajnuna tal-COLA ma tkunx intaxxata u ma jkun hemm l-ebda taxxa fuq l-ewwel €10,000 tal-part-time u over-time bil-għan li l-Gvern ikun tassew spalla ma spalla mal-ħaddiem.
Dan filwaqt li Alex Borg insista li fl-ewwel mitt jum tiegħu bħala Prim Ministru se jkun qiegħed jaċċerta li r-rata ta’ VAT għar-ristoranti, kiosks u stabbilimenti tal-catering tonqos minn 18% għal 7%.
Rigward s-sitwazzjoni internazzjonali, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista insista li dan huwa perjodu ta’ kawtela kbira u li huwa imperattiv li ma tidħolx narrattiva partiġjana. Għalhekk saħaq li f’dan ir-rigward il-Gvern Laburista se jkun qiegħed isib lill-Partit Nazzjonalista ta’ spalla…għalkemm Robert Abela diġà wera li jrid jirbaħ punti partiġjani anke f’din is-sitwazzjoni.
Alex Borg irringrazzja lill-Forzi tal-Ordni kollha għal ħidma tagħhom bil-għan li jaċċertaw li l-poplu Malti u Għawdxi jkun wieħed sigur.
Intant, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sostna li l-Prim Ministru Robert Abela gideb lil pensjonanti meta qalilhom li se jkun qed jeżentalhom it-taxxa minn kull forma ta’ dħul – iżda huwa insista li dak li ta x’jifhem li se jagħmel Abela, se jkun qed jaċċerta li jwettqu Gvern ġdid Nazzjonalista.
//= $special ?>

